Nitlaq jew nibqa’?

Nitlaq jew nibqa’?

Niċċelebraw l-Evanġelju tal-21 Ħadd – B.

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù tkellem fuq il-ħobż tal-ħajja. Ħafna dixxipli tiegħu, meta semgħuh, qalu: “Iebes dan il-kliem! Min jiflaħ jisimgħu?”. Ġesù ntebaħ waħdu li d-dixxipli tiegħu kienu qegħdin igergru fuq hekk, u qalilhom: “Dan il-kliem qiegħed ifixkilkom? Mela xi tgħidu kieku kellkom taraw lil Bin il-bniedem tiela’ fejn kien qabel? Hu l-Ispirtu li jagħti l-ħajja, il-ġisem ma jiswa għal xejn. Il-kliem li jiena għedtilkom huwa spirtu u ħajja. Iżda hemm xi wħud fostkom li ma jemmnux”. Għaliex Ġesù kien jaf sa mill-bidu min kienu dawk li ma emmnux u min kien dak li kellu jittradih. U ssokta jgħidilhom: “Kien għalhekk li jiena għedtilkom li ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier ma jagħtihx li jiġi”.

Minn dakinhar bosta mid-dixxipli tiegħu telquh u ma baqgħux imorru warajh. Imbagħad Ġesù qal lit-Tnax: “Tridux titilqu intom ukoll?”. Wieġbu Xmun Pietru: “Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem, u aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis ta’ Alla”.

(Gw 6, 60-69)


Riflessjoni u talba:

i. “Iebes dan il-kliem! Min jiflaħ jisimgħu?”

Jiġi l-mument fejn niskopru bieb,
li jiftaħ fuq possibilitajiet li qatt ma immaġinajna,
li ma jħalliniex magħluqin fina nfusna u l-ideat li fassalna.
U nibnu ħajt biex nagħalquh!

Irrifletti:

  • L-Evanġelju kif jiftħek għal realtà ġdida? Fejn għandek esperjenza ta’ reżistenza?


ii. “Hu l-Ispirtu li jagħti l-ħajja, il-ġisem ma jiswa għal xejn. Il-kliem li jiena għedtilkom huwa spirtu u ħajja.”

Dak li hu maħluq, waħdu, jibqa’ dgħajjef,
ma jiswa għal xejn.

Imma meta jinfetaħ għall-Ħallieq,
meta iħalli l-widna tagħmel xogħolha,
meta tħalli spazju fik għal Kelmtu,
għal dak li jixtieq jaqsam ħajtu miegħek,
Hemm tirċievi Spirtu u ħajja.

 

Irrifletti

  • Liema sentenza mill-Evanġelju offrietlek sfida u mlietek bil-ħajja?


iii. “Tridux titilqu intom ukoll?”

Jiġi mument ta’ kriżi
li jlaqqgħek mal-libertà, don ta’Alla:
jew tagħżel li tingħalaq, li tabbanduna kollox,
jew tagħżel li tibqa’, li tintelaq (f’idejn), li tgħix,
li tieħu riskju, li tpoġġi l-għeruq fi Kristu,
li tinvesti ħajtek fuq dak li ma tistax tkejjel u taħkem:
li tagħti spazju għall-kelma “dejjem”,
għall-kelma “Alla” …

Irrifletti

  • Ieqaf fuq il-kliem ta’ Pietru: “Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem, u aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis ta’ Alla”.


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.