Sabiex nirċievu l-ħajja ta’ dejjem
Niċċelebraw l-Evanġelju tat-28 Ħadd – B.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Imliena bit-tjieba tiegħek, Mulej.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù kien se jaqbad it-triq lejn Ġerusalemm, meta mar fuqu wieħed jgħaġġel, niżel għarkupptejh quddiemu u qallu: “Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?”.
Qallu Ġesù: “Għaliex qiegħed issejjaħli tajjeb? Ħadd mhu tajjeb ħlief Alla biss. Inti l-kmandamenti tafhom: la toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhidx fil-falz, la tiħux bil-qerq dak li hu ta’ ħaddieħor; weġġaħ lil missierek u ’l ommok”.
U dak wieġbu u qallu: “Mgħallem, jiena dan kollu ili nħarsu minn żgħożiti”. Imbagħad Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba u qallu: “Ħaġa waħda tonqsok: mur bigħ li għandek, agħtih lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja”. Imma għal dan il-kliem ir-raġel qarras wiċċu u telaq b’qalbu sewda, għaliex kellu bosta ġid.
Ġesù mbagħad ħares ħarsa madwaru u qal lid-dixxipli tiegħu: “Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta’ Alla!”. Id-dixxipli stagħġbu għal din il-kelma, imma Ġesù raġa’ qalilhom: “Kemm hi iebsa, uliedi, li wieħed jidħol fis-Saltna ta’ Alla! Eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna ta’ Alla”. Huma stagħġbu wisq aktar, u bdew jgħidu wieħed lill-ieħor: “Mela min jista’ jsalva?”. Ġesù ħares lejhom u qalilhom: “Għall-bnedmin dan ma jistax ikun, imma għal Alla iva; għax għal Alla kollox jista’ jkun”.
Qabeż Pietru u qallu: “Tajjeb! Aħna ħallejna kollox u ġejna warajk”. Qallu Ġesù: “Tassew ngħidilkom, li fost dawk kollha li minħabba fija u l-Evanġelju jħallu lil darhom jew lil ħuthom jew lil ommhom jew lil missierhom jew lil uliedhom jew l-għelieqi tagħhom, ma hemm ħadd fosthom li minn issa, f’din id-dinja stess, ma jirċevix, għal mitt darba iktar, djar, aħwa, subien u bniet, ommijiet, ulied u għelieqi flimkien ma’ persekuzzjonijiet, u l-ħajja ta’ dejjem fiż-żmien li ġej”.
(Mk 10:17-30)
Riflessjoni u talba:
i. Mar fuqu wieħed jgħaġġel, niżel għarkupptejh quddiemu u qallu: “Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?”
Jiġi jgħaġġel, forsi anzjuż ukoll,
isaqsi kif jaf.
Ftit ftit Ġesù jmiss kull frażi u kull azzjoni ta’ dak ir-raġel:
flok ordnijiet joffrilu ħarsa ta’ mħabba;
l-imgħallem tajjeb jistiednu jkompli miexi: “Alla biss”;
minn “x’nagħmel biex nikseb” jgħaddih għal “x’iħalli” u “x’jirċievi”.
Irrifletti:
- Liema mistoqsija ġġorr?
ii. Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba u qallu: “Ħaġa waħda tonqsok: mur bigħ li għandek, agħtih lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja”. Imma għal dan il-kliem ir-raġel qarras wiċċu u telaq b’qalbu sewda, għaliex kellu bosta ġid.
Meta bl-entużjażmu kollu, imma b’ċertu paniku wkoll,
nibni biex nogħla,
niskopri li qed nitbiegħed mill-għajn tal-ilma.
Meta niġri biex nakkwista l-ferħ, l-istima, is-sigurtà
insib li qed naħrab mil-limitu u l-vojt li jbeżżagħni
naħrab mill-post fejn il-ħarsa ta’ mħabba tinfed u tiġġenera ħajja.
Irrifletti
- X’hemm bżonn tħalli? Fejn tpoġġi s-sigurtà tiegħek?
iii. Qabeż Pietru u qallu: “Tajjeb! Aħna ħallejna kollox u ġejna warajk”. Qallu Ġesù: “Tassew ngħidilkom, li fost dawk kollha li minħabba fija u l-Evanġelju jħallu lil darhom jew lil ħuthom jew lil ommhom jew lil missierhom jew lil uliedhom jew l-għelieqi tagħhom, ma hemm ħadd fosthom li minn issa, f’din id-dinja stess, ma jirċevix, għal mitt darba iktar, djar, aħwa, subien u bniet, ommijiet, ulied u għelieqi flimkien ma’ persekuzzjonijiet, u l-ħajja ta’ dejjem fiż-żmien li ġej”
Ġesù jitkellem b’konvinzjoni assoluta: “tassew ngħidilkom … ma hemm ħadd fosthom”.
Issa jonqos biss li nafda li dak li ħalaqni mix-xejn, jasal;
jonqos biss li nillibera l-ponn mill-pussess u niggosta/nikkontempla l-bqija kollu;
jonqos biss li ma nfittixx il-ferħ, is-suċċess, l-istima
imma nafda fil-ħarsa u fl-Evanġelju tiegħu.
Ġesù t-triq u l-verità li jwassal għall-ħajja ta’ dejjem.
Irrifletti
- Ikkontempla lil Ġesù li jfittex biss ir-rieda tal-Missier; li jiggosta u japprezza fjura, professjoni, relazzjoni; li ġie ppersegwitat imma ħaj u jagħti l-ħajja għal dejjem.
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.