Frammentat?

Frammentat?

Niċċelebraw l-Evanġelju tal-31 Ħadd – B.

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Inħobbok, Mulej, qawwa tiegħi!


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, wieħed mill-kittieba resaq fuq Ġesù u staqsieh: “Liema wieħed fost il-kmandamenti kollha huwa l-ewwel?”. Ġesù wieġbu: “L-ewwel wieħed huwa dan: Isma’ Iżrael! Il-Mulej, Alla tagħna, Mulej wieħed hu, u int għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha. U t-tieni hu dan: Ħobb lil għajrek bħalek innifsek. Ma hemmx kmandament ieħor akbar minn dawn”.
 
Qallu l-kittieb: “Sewwa qiegħed tgħid, Mgħallem; għandek raġun tgħid li wieħed hemm, u li ma hemmx ieħor ħliefu. Iva, li tħobb lilu b’qalbek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha, u li tħobb lil għajrek bħalek innifsek, huwa aqwa minn kull sagrifiċċju tal-ħruq u mis-sagrifiċċji kollha”.
 
Ġesù, meta rah kemm kien wieġeb bil-għaqal, qallu: “M’intix ’il bogħod mis-Saltna ta’ Alla”. U ħadd ma kellu l-ħila jistaqsih iżjed.

(Mk 12:28b-34)
 

pexels/cottonbro: searching

Riflessjoni u talba:

i. Wieħed mill-kittieba resaq fuq Ġesù u staqsieh: “Liema wieħed fost il-kmandamenti kollha huwa l-ewwel?”.

L-aspettativi huma kbar;
l-eżiġenzi, il-ħidmiet, il-possibilitajiet,
l-adulti mod – niġru minn ħaġa għal oħra –
iż-żgħażagħ mod ieħor – x;mistenni minn sħabhom, mill-istudju, mill-mezzi soċjali.
Inħossuna mxerrda, bla nifs.
 
Anke aħna nsaqsu:
liema għandu jkun iċ-ċentru tal-ħajja tagħna?
X’jgħinna ma nibqgħux frammentati?
Liema l-ewwel kmandament?

Irrifletti:

  • X’inhi l-esperjenza tiegħek bħalissa?
pexels/padrinan: return to the heart


ii. Ġesù wieġbu: “L-ewwel wieħed huwa dan: Isma’ Iżrael! Il-Mulej, Alla tagħna, Mulej wieħed hu, u int għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha. U t-tieni hu dan: Ħobb lil għajrek bħalek innifsek. Ma hemmx kmandament ieħor akbar minn dawn”.

Biċċiet hemm kemm trid,
imma tagħmel l-ebda waħda minnhom Alla tiegħek.
 
Alla wieħed hemm:
Lilu isma’ – hu li jillibera.
Jekk le, kull framment jagħmlek skjav tiegħu.
 
U qalb waħda għandek:
jew tħobb miċ-ċentru tiegħek – lil Alla, lill-proxxmu
jew tixxerred minn elf passjoni oħra.

 

Irrifletti

  • Tħobb?
pexels/yankrukov: inner freedom reaching out


iii.  “Iva, li tħobb lilu b’qalbek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha, u li tħobb lil għajrek bħalek innifsek, huwa aqwa minn kull sagrifiċċju tal-ħruq u mis-sagrifiċċji kollha”. Ġesù, meta rah kemm kien wieġeb bil-għaqal, qallu: “M’intix ’il bogħod mis-Saltna ta’ Alla”.

Ġesù jfaħħar lil dak l-iskriba
li jagħmel tiegħu dak li qal Ġesù:
 
ma jirrepetix il-kelmiet “isma, Israel”
hu stess miftuħ biex jisma’!
 
jibdel xi kliem: b’moħħok kollu: Ġesù juża dianoia,
l-ikriba juża sunesis: il-kapaċità tal-għarfien, li ġġib l-affarijiet flimkien:
anke il-ħsibijiet ma jibqgħux imxerrda, frott tal-imħabba;
 
u jżid xi kliem: li tħobb … aqwa minn kull sagrifiċċju tal-ħruq;
għax li tħobb hija ħarsa ‘l barra li tlaqqgħek mal-ieħor (Alla, l-bniedem)
mhux ritwal biex tikkontrolla jew maskla biex tistaħba warajha.

Irrifletti

  • Ikkontempla lil Ġesù: liberu li jħobb mhux li jżid is-sagrifiċċji.


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.