Kobor.
Niċċelebraw l-Evanġelju tat-33 Ħadd – B.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Ħarisni, o Alla, għax fik jien nistkenn.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Wara jiem ta’ dwejjaq kbar, ix-xemx tiddallam, il-qamar jitlef id-dija tiegħu, il-kwiekeb jibdew jaqgħu mis-sema, u l-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu. Imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fis-sħab b’qawwa kbira u bi glorja. U mbagħad jibgħat l-anġli biex jiġbor flimkien il-maħturin tiegħu mill-erbat irjieħ, minn tarf l-art sa tarf is-sema.
Mis-siġra tat-tin tgħallmu din il-parabbola. Meta l-fergħa tagħha tirtab u tarmi l-weraq, intom tintebħu li s-sajf fil-qrib. Hekk ukoll meta taraw dan jiġri, kunu afu li hu fil-qrib, fil-bieb. Tassew ngħidilkom, li ma jgħaddix dan in-nisel qabel ma jiġri dan kollu. Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix. Dwar dak il-jum u s-siegħa ħadd ma jaf meta se jaslu, anqas l-anġli fis-sema, u anqas l-Iben; ħadd ħlief il-Missier”.
(Mk 13:24-32)
Riflessjoni u talba:
i. Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Wara jiem ta’ dwejjaq kbar, ix-xemx tiddallam, il-qamar jitlef id-dija tiegħu, il-kwiekeb jibdew jaqgħu mis-sema, u l-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu. Imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fis-sħab b’qawwa kbira u bi glorja.”
Hemm prezz li jitħallas meta nagħlaq għajnejja
meta persuni jużaw il-pożizzjoni għall-gwadann personali –
għall-unur, għall-privileġġ, għall-perks oħra –
meta persuni jużaw it-tajjeb mhux għax jemmnu fih iżda fejn jaqblilhom;
Hemm prezz li jitħallas:
jitberbaq u jinħela l-ġid ta’ min l-aktar fil-bżonn.Hemm kobor li hu theddida:
id-dwejjaq kbar quddiem tant telfiet li qed inġarrbu;
il-waqa’ ta’ dak li jagħtina sigurtà –
tal-istilel u persuni importanti li lejhom konna nħarsu;
ix-xemx u l-qamar li jiċċajpru –
u dak kollu li kien iservina ta’ dawl.
Hemm kobor li jimlina bit-tama:
l-imħabba li tiċċekken – Bin il-bniedem –
akbar mill-qawwa tax-xemx, il-qamar u l-istilel;
imħabba li ma tiġix bil-qawwa taż-żwiemel, karrijiet tal-gwerra, credit cards u poter;
jiġi fuq is-sħab dak li imħabbtu rebħet fuq il-mewt:
jiġi b’qawwa kbira u glorja: is-sbuħija ta’ mħabba konsistenti.
Irrifletti:
- Liema kienu t-telfiet li ġarrabt u jnisslu dwejjaq fik? X’jimlielek qalbek bit-tama?
ii. Mis-siġra tat-tin tgħallmu din il-parabbola. Meta l-fergħa tagħha tirtab u tarmi l-weraq, intom tintebħu li s-sajf fil-qrib. Hekk ukoll meta taraw dan jiġri, kunu afu li hu fil-qrib, fil-bieb.
Quddiem xeni ta’ stilel jaqgħu u xemx tiddallam
xitwa qalila u siġar li ilhom li nsew il-weraq
diżappunti kbar u firxa ta’ ħażen li jaqtagħlek nifsek
Ġesù jiggwida ħarsitna fuq is-siġra tat-tin:
is-Sajf għadu ‘l bogħod u l-benna tat-tin ukoll,
kulma qed naraw hija l-waqgħa tal-aħħar werqa –
l-imgħallem jissallab;
imma għal Ġesù biżżejjed fergħa li tirtab biex jantiċipa l-futur li qed jiftaħ Alla.
Irrifletti
- Il-kuntrast bejn l-istilel jaqgħu u t-tin li jarmi xi jqanqal fik?
iii. “Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix. Dwar dak il-jum u s-siegħa ħadd ma jaf meta se jaslu, anqas l-anġli fis-sema, u anqas l-Iben; ħadd ħlief il-Missier.”
Mur żomm l-istilel milli jaqgħu
mur żomm iż-żmien milli jgħaddi
mur żomm il-bidla milli sseħħ.
Però tista’ żżomm fi kliemu
tista’ kuljum tilqa’ s-sorpriżi t’Alla
tista’ żżomm ħarstek lil hinn mid-dlam!
Irrifletti
- Ikkontempla lil Ġesù jistrieħ fir-rieda tal-Missier.
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.