Tifrik.

Tifrik.

Niċċelebraw l-Evanġelju tal-1 Ħadd tal-Avvent – C.

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Lejk jien nerfa’ ruħi, Mulej.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ikun hemm sinjali fix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb. Il-ġnus fuq l-art, b’qalbhom ittaqtaq, ma jafux x’jaqbdu jagħmlu minħabba l-ħsejjes tal-baħar u tal-imwieġ; in-nies ruħhom ħierġa bil-biża’ billi jobsru xi jkun ġej fuq id-dinja, għax il-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu.

Imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fi sħaba, b’qawwa u glorja kbira. Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.

Oqogħdu attenti, u qisu li l-ikel u x-xorb żejjed u s-sokor ma jmewtulkomx qalbkom, u tħallux li l-ħafna tħassib għall-ħtiġiet tal-ħajja jeħdilkom raskom, li ma ssibuhx dak il-Jum fuqkom għall-għarrieda. Għax hu Jum li għad jaqa’ bħal nassa fuq kull min jgħammar fuq wiċċ l-art kollha. Ishru, mela, u itolbu l-ħin kollu, biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kulma għandu jiġri u tieqfu quddiem Bin il-bniedem”.

(Lq 21:25-28,34-36)

pexels/joshsorenson: dark times

Riflessjoni u talba:

i. Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ikun hemm sinjali fix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb. Il-ġnus fuq l-art, b’qalbhom ittaqtaq, ma jafux x’jaqbdu jagħmlu minħabba l-ħsejjes tal-baħar u tal-imwieġ; in-nies ruħhom ħierġa bil-biża’ billi jobsru xi jkun ġej fuq id-dinja, għax il-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu.”

Jiġu mumenti fejn il-preżent jixrobna
jaqtagħlna nifisna
xejn stabbli,
dak li kont inserraħ fuqu qed jisparixxu.
Tkissir biss!

Irrifletti:

  • Liema ġrajjiet qed joħolqulek sfida bħalissa?
pexels/nicolas langellotti: restored confidence.


ii. Imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fi sħaba, b’qawwa u glorja kbira. Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.

Jiġi mument fejn issib stedina
biex terfa’ ħarstek ‘l fuq
tara lil hinn mis-sitwazzjoni preżenti
tilmaħ dak li Alla jlesti għal dawk li jħobbuh.
 
Titmexxiex mill-biża
iżda mill-fiduċja
mir-relazzjoni.

 

Irrifletti

  • Fejn qed tara stedina biex terfa’ ħarstek ‘l fuq?
pexels/pavel danilyuk: open the eyes of the heart.


iii.  Oqogħdu attenti, u qisu li l-ikel u x-xorb żejjed u s-sokor ma jmewtulkomx qalbkom, u tħallux li l-ħafna tħassib għall-ħtiġiet tal-ħajja jeħdilkom raskom, li ma ssibuhx dak il-Jum fuqkom għall-għarrieda. Għax hu Jum li għad jaqa’ bħal nassa fuq kull min jgħammar fuq wiċċ l-art kollha. Ishru, mela, u itolbu l-ħin kollu, biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kulma għandu jiġri u tieqfu quddiem Bin il-bniedem”.

Hemm mod kif ma ninġarrx.
 
Evita l-aljenazzjoni
li ħajtek tinħela fuq xewqat li ma jwasslux fil-bogħod
“drogi” li jnessuk dak li l-provvidenza t’Alla qed tippreparaw għalina u għal kulħadd:
“Qisu li l-ikel u x-xorb żejjed u sokor ma jmewtulkomx qalbkom.”
 
Iftaħ għajnejk fit-talb
biex it-taħwid li tiltaqa’ miegħu ma joħodlokx iċ-ċarezza u d-direzzjoni ta’ ħajtek,
biex meta ma jiġix kollox kif immaġinajt ma tinteliex b’dieqa li ma tħallikx timxi,
biex tkompli tfittex u ssib il-qawwa misterjuża li hi indispensabbli biex tiltaqa’ miegħU:
“Ishru, mela, u itolbu l-ħin kollu.”

Irrifletti

  • Ieqaf ftit fis-skiet. Infetaħ għall-futur li hu f’idejn Alla.


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.