Mistoqsijiet.

Mistoqsijiet.

Niċċelebraw l-Evanġelju tal-Familja Mqaddsa – C.

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Henjin dawk li jgħammru f’darek, Mulej.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Ta’ kull sena l-ġenituri ta’ Ġesù kienu jmorru Ġerusalemm għall-festa tal-Għid. Meta kellu tnax-il sena telgħu wkoll, skont id-drawwa ta’ dik il-festa. Wara li għaddew dawk il-ġranet qabdu t-triq lura, imma t-tfajjel Ġesù baqa’ Ġerusalemm bla ma kienu jafu l-ġenituri tiegħu. Huma ħasbuh qiegħed ma’ xi wħud li kienu fit-triq magħhom; iżda meta wara jum mixi fittxewh fost qrabathom u n-nies li kienu jafuhom, ma sabuhx, u għalhekk reġgħu lura Ġerusalemm ifittxuh.

Wara tlitt ijiem sabuh fit-tempju, bilqiegħda f’nofs l-għalliema, jismagħhom u jistaqsihom; u kull min semgħu baqa’ mistagħġeb bid-dehen u t-tweġibiet tiegħu. Kif rawh, instamtu, u ommu qaltlu: “Ibni, dan għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma”. U hu qalilhom: “U għaliex kontu qegħdin tfittxuni? Ma tafux li jiena għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri?”. Iżda kliemu ma fehmuhx.

Imbagħad niżel magħhom u raġa’ mar Nazaret; u kien jobdihom. U ommu kienet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha. U hekk Ġesù baqa’ jikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin.

(Lq 2: 41-52)

pexels/athena: the art of questioning

Riflessjoni u talba:

i. Wara tlitt ijiem sabuh fit-tempju, bilqiegħda f’nofs l-għalliema, jismagħhom u jistaqsihom; u kull min semgħu baqa’ mistagħġeb bid-dehen u t-tweġibiet tiegħu.

Dak li kien se jgħaddi tlett ijiem mitluf fil-qabar
dak li mexa mad-dixxipli t’Għemmaws, jismagħhom u jistaqsihom,
huwa dak li “mitluf” fit-tempju.
 
Fil-post fejn il-bniedem ifittex lil Alla
Alla jmur ifittex lill-bniedem “mitluf”
jismagħhom u jistaqsihom.

Irrifletti:

  • Fejn qed tfittex? Liema mistoqsijiet iġġorr?
pexels/mahdibafande: trust


ii. Kif rawh, instamtu, u ommu qaltlu: “Ibni, dan għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma”.

Dik li qed tfittxu b’qalbha maqsuma
hija dik li ssaqsi, dik li għallmitu kif isaqsi.
 
Hija dik li afdatu u ħallietu waħdu,
Hija dik li tisma’ r-risposta tiegħu:
mhux b’ċanfira
iżda bi ftuħ għall-misteru li ma tistax taħkem:
“Kif ikun dan? … L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek …
dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla.” (Lq 1, 35)

 

Irrifletti

  • Fejn tara stedina biex iżżomm bieb imbexxaq għall-misteru?
pexels/filirovska: flourishing in normal life


iii.  U hu qalilhom: “U għaliex kontu qegħdin tfittxuni? Ma tafux li jiena għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri?”. Iżda kliemu ma fehmuhx.Imbagħad niżel magħhom u raġa’ mar Nazaret; u kien jobdihom. U ommu kienet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha. U hekk Ġesù baqa’ jikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin.

Ġesù ma jweġibx b’nuqqas ta’ rispett.
Iwieġeb b’mistoqsijiet oħra
li jwittu t-triq biex il-mixja tkompli:
 
Marija tkompli tinżel aktar fil-fond fil-misteru
ta’ binha li huwa wkoll Bin il-Għoli –
“kienet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha”;
 
Ġesù jkompli jikber f’dak li hu tal-Missier
mhux f’nofs it-tempju iżda fil-ħajja ordinarja:
“raġa mar Nazaret … u hekk Ġesù baqa’ jikber…”.

Irrifletti

  • B’liema mod tista’ tibqa’ miftuħ/a għall-misteru ta’ Alla f’ħajtek?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.