Tistenna ħerqan.
Niċċelebraw l-Evanġelju tal-Epifanija – C.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Il-ġnus kollha tal-art jagħtuk qima, Mulej.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, il-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan, u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija. Għalhekk Ġwanni qabad u qal lil kulħadd: “Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar”.
Ġara li, wara li tgħammed il-poplu kollu, Ġesù tgħammed ukoll u, waqt li kien qiegħed jitlob, is-smewwiet infetħu, u niżel l-Ispirtu s-Santu u deher fuqu fis-sura ta’ ħamiema. U mis-sema ġie leħen jgħid: “Inti Ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi”.
(Lq 3:15-16,21-22)
Riflessjoni u talba:
i. F’dak iż-żmien, il-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan, u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija. Għalhekk Ġwanni qabad u qal lil kulħadd: “Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar”.
Tistenna ħerqan
mhux mimli bik innifsek
magħluq fiċ-ċertezzi li bnejt s’issa
bl-għamad li ma għandi bżonn ħadd
iżda b’inizjattiva biex toħroġ ‘l barra minnek innifsek
biex tapprezza l-limiti tiegħek quddiem il-kobor ta’ dak li lanqas tista’ timmaġina
ta’ ftuħ għal dak li jimliena bil-qawwa tal-Ispirtu.
Irrifletti:
- Xi tfisser li terġa tibda tistenna?
ii. Ġara li, wara li tgħammed il-poplu kollu, Ġesù tgħammed ukoll u, waqt li kien qiegħed jitlob, is-smewwiet infetħu, u niżel l-Ispirtu s-Santu u deher fuqu fis-sura ta’ ħamiema.
Dak li ismu hu Ġesù
dak li jiġi biex isalva
dak li Ġwanni ma jixraqlux iħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu
jinżel fl-ilma imdardar
f’solidarjetà sħiħa
ma’ poplu frammentat,
mal-bniedem mikdud bid-dnub
mal-persuni miġruħa
jinżel fl-ilma jitlob
f’għaqda sħiħa mal-Missier
li jibgħat ix-xita kemm fuq it-tajbin u kemm fuq il-ħżiena
li jeħles lill-poplu skjav u jgħaddih min-nofs l-ilmijiet
li jibgħat l-Ispirtu ta’ ġentilezza kbira.
Irrifletti
- Xi tfisser għalik li ssib lil Ġesù f’solidarjetà sħiħa miegħek?
iii. U mis-sema ġie leħen jgħid: “Inti Ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi”.
Fih jien ukoll nisma’ l-kliem
inti ibni
inti l-għażiż
fik insib l-għaxqa tiegħi
Fih ukoll jien nara lil ta’ madwari
ulied il-Missier
għeżież f’għajnejh
l-għaxqa tiegħu
inħares u niskopri aħwa!
Irrifletti
- “Inti Ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi”: din is-sentenza kif tgħinek tara r-realtà mod ieħor?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.