Tmexxija vera!

Tmexxija vera!

Niċċelebraw l-Evanġelju ta’ Ħadd il-Palm

F’dak iż-żmien, Ġesù qabad it-triq u beda tiela’ lejn Ġerusalemm, miexi quddiem l-oħrajn. U meta wasal qrib Betfaġe u Betanja, ħdejn l-għolja li jgħidulha taż-Żebbuġ, bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Morru fir-raħal ta’ biswitna; kif taslu, issibu felu marbut li ħadd qatt għadu ma rikeb fuqu. Ħolluh u ġibuh. Jekk xi ħadd jistaqsikom: ‘Għalfejn qegħdin tħolluh?’, għidulu hekk: ‘Il-Mulej għandu bżonnu’”.
Dawk li kienu mibgħuta marru u sabu kollox kif kien qalilhom. Huma u jħollu l-felu, is-sidien tiegħu qalulhom: “Għalfejn qegħdin tħolluh il-felu?”. U huma wieġbu: “Għax il-Mulej jeħtieġu”.
 
Imbagħad ġiebu l-felu lil Ġesù, qiegħdu l-imnatar tagħhom fuq il-felu, u rikkbu lil Ġesù fuqu. Huwa u għaddej, firxu l-imnatar tagħhom fit-triq. Xħin imbagħad kien qorob lejn in-niżla tal-Għolja taż-Żebbuġ, il-kotra kollha tad-dixxipli bdiet tfaħħar lil Alla b’għajat ta’ ferħ u b’leħen għoli għall-għeġubijiet kollha li kienu raw, u bdew jgħidu:
“Imbierek is-Sultan
li ġej f’isem il-Mulej!
Sliem fis-sema,
u glorja fl-ogħla tas-smewwiet!”.
 
Xi wħud mill-fariżej li kienu qalb il-folla qalulu: “Mgħallem, ċanfarhom lid-dixxipli tiegħek!”. Iżda hu weġibhom u qal: “Ngħidilkom li, jekk jisktu huma, jgħajjat il-ġebel”. (Lq 19:28-40)

pexels/nathan tran: taking courageous steps

i. F’dak iż-żmien, Ġesù qabad it-triq u beda tiela’ lejn Ġerusalemm, miexi quddiem l-oħrajn.

Ma jaħrabx ir-responsabbiltà
ma jħallix kollox għaddej
“Ma jegħjiex, ma jitfarrakx
sakemm ma jwaqqafx il-ġustizzja fuq l-art” (Ara Iż. 42,4).

Jimxi quddiem l-oħrajn
mexxej bla biża,
imħabba determinata.

Irrifletti:

  • X’tapprezza fit-tmexxija ta’ Ġesù?

pexels/wery shania: not command and control

ii. Imbagħad ġiebu l-felu lil Ġesù, qiegħdu l-imnatar tagħhom fuq il-felu, u rikkbu lil Ġesù fuqu.

Għażel li jidħol fuq felu ta’ ħmar,
għażel li jgħinuh jirkeb,
stil partikulari ta’ mexxej!

“Ma jgħajjatx, ma jgħollix leħnu;
ma jsemmax leħnu fil-pjazez,
qasba mġelġla ma jiksirhiex,

musbieħ inemnem ma jitfihx” (Ara Iż 42, 2-3)

Biex iġib il-paċi ma jużax mezzi vjolenti,
biex iwaqqaf il-ġustizzja ma jitlifx sabru
ma jgħaffeġ fuq ħadd!

Irrifletti:

  • Kif jispirak l-istil ta’ Ġesù?

pexels/arthurbrognoli: recognizing truth

iii. Il-kotra kollha tad-dixxipli bdiet tfaħħar lil Alla b’għajat ta’ ferħ u b’leħen għoli għall-għeġubijiet kollha li kienu raw, u bdew jgħidu: “Imbierek is-Sultan li ġej f’isem il-Mulej! Sliem fis-sema, u glorja fl-ogħla tas-smewwiet!”.
Xi wħud mill-fariżej li kienu qalb il-folla qalulu: “Mgħallem, ċanfarhom lid-dixxipli tiegħek!”. Iżda hu weġibhom u qal: “Ngħidilkom li, jekk jisktu huma, jgħajjat il-ġebel”.

Il-Fariżej talbu lil Ġesù jwaqqaf id-dixxipli:
biex iżommu kollox kwiet?
għax jafu li qed jissogra ħajtu?
Biex isikktu l-verità?

Imma l-verità ma ssikkithiex:
anke l-ġebel jiċċaqlaq, jirrikonoxxi, jinfetaħ
għal Dak li stqarru qabel l-istess anġli! (Ara Luqa 2, 14)

“Imbierek is-Sultan li ġej f’isem il-Mulej!
Sliem fis-sema, u glorja fl-ogħla tas-smewwiet!”.

Irrifletti:

  • Fejn ittentat għal kompromessi mal-verità?

3. Missierna  

Comments are closed.