
Triq ‘l quddiem.
Niċċelebraw l-Evanġelju tat-tletin Ħadd tas-sena.

pexels/pawel hordjewicz: the way of grace.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu.
- Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
F’dak iż-żmien, kien hemm uħud li kienu jafdaw fihom infushom li huma ġusti u kienu jmaqdru lill-oħrajn. Ġesù qalilhom din il-parabbola: “Żewġt irġiel, wieħed Fariżew u l-ieħor pubblikan, telgħu fit-tempju biex jitolbu. Il-Fariżew, wieqaf, talab hekk f’qalbu: ‘O Alla, niżżik ħajr li m’iniex bħall-bqija tal-bnedmin, ħalliela, inġusti, żienja, jew ukoll bħal dan il-pubblikan. Jiena nsum darbtejn fil-ġimgħa u nħallas l-għexur ta’ kulma ndaħħal’. Iżda l-pubblikan, bilwieqfa fil-bogħod anqas biss ried jerfa’ għajnejh lejn is-sema, imma beda jħabbat fuq sidru u jgħid: ‘O Alla, ħenn għalija, għax jien midneb!’. Ngħidilkom jien li dan, u mhux l-ieħor, niżel id-dar iġġustifikat. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar”. Lk 18: 9-14.

pexels/mariana blue: story as a mirror and wayfinder.
i. Kien hemm uħud li kienu jafdaw fihom infushom li huma ġusti u kienu jmaqdru lill-oħrajn. Ġesù qalilhom din il-parabbola …
Ġesù, t-tabib tar-ruħ,
jidentifika il-marda li tnawwar ir-relazzjonijiet
u jintervjeni –
mhux minn fuq
mhux b’suppervja
mhux b’indifferenza, distanza jew stmerrija –
iżda bi storja li tqarreb
mera li tiftħilna għajnejna
mera li tindika t-triq ‘l quddiem.
Irrifletti:
- X’jolqtok mill-istil ta’ kif Ġesù jindirizza l-limiti u l-iżbalji tagħna?

pexels/cottonbro: how do you look on others?
ii. “Żewġt irġiel, wieħed Fariżew u l-ieħor pubblikan, telgħu fit-tempju biex jitolbu. Il-Fariżew, wieqaf, talab hekk f’qalbu: ‘O Alla, niżżik ħajr li m’iniex bħall-bqija tal-bnedmin, ħalliela , inġusti, żienja, jew ukoll bħal dan il-pubblikan.
Fit-talb joħorġu u jissaffew l-attitudnijiet tagħna!
Il-post fejn nikkontemplaw
lil Dak li hu t-tajjeb (“Alla waħdu hu t-tajjeb” (Mk 10,18)
lil Dak li hu l-għajn tat-tajjeb fija u fin-nies ta’ madwari
nibdluh fil-post fejn niżolaw ruħna:
ma nitkellmux ħlief magħna nfusna
ma nagħmlu xejn aktar ħlief inħarsu bi stmerrija lejn in-nies ta’ madwarna.
It-tajjeb navvelenawh bis-suppervja:
ma nisraqilhomx il-flus jew il-mara
imma ma jimpurtax li nieħdilhom id-dinjità;
nitla’ fit-tempju
imma mhux għal-laqgħa m’Alla
biex nintelaq f’idejH, biex nirringrazzjah
iżda biex ngħidlu “m’għandix bżonnok”.
Irrifletti:
- Xi jtellfek fir-relazzjoni m’Alla?

pexels/ivan samkov: relation not pride.
iii. Iżda l-pubblikan, bilwieqfa fil-bogħod anqas biss ried jerfa’ għajnejh lejn is-sema, imma beda jħabbat fuq sidru u jgħid: ‘O Alla, ħenn għalija, għax jien midneb!’. Ngħidilkom jien li dan, u mhux l-ieħor, niżel id-dar iġġustifikat. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar”.
Pietru seta’ jagħti kontribut siewi
mhux meta ppretenda li jgħid lil Ġesù minn fejn jgħaddi
mhux meta ppretenda li kien lest “jieħu l-mewt” għal Kristu
imma meta ħares ‘l isfel u ħalla lill-Imgħallem jaħsillu riġlejn
meta laqa’ t-talba ta’ Ġesù fuqu:
“jiena tlabt għalik, biex il-fidi tiegħek ma tiġix nieqsa …
meta terġa lura, wettaq lil ħutek”. (Lk 22, 32).
Irrifletti:
- Fejn tagħraf il-bżonn tiegħek ta’ Alla? B’liema attitudni mistieden tersaq lejn l-oħrajn?
3. Missierna