Tara fil-fond.

Tara fil-fond.

Niċċelebraw l-Evanġelju tat-tieni Ħadd tas-sena.

pexels/movoyagee: going deeper.

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Hawn jien, Mulej, ġej nagħmel ir-rieda tiegħek.

  1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

F’dak iż-żmien, Ġwanni, ra lil Ġesù riesaq lejh, u qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja. Dan hu li għalih għedtilkom: ‘Warajja ġej bniedem li hu aqwa minni, għax kien qabli’. Anqas jien stess ma kont nafu, imma jien għalhekk ġejt ngħammed bl-ilma, biex hu jkun mgħarraf lil Iżrael”.

U Ġwanni xehed għalih u qal: “Jiena rajt l-Ispirtu nieżel mis-sema bħal ħamiema u joqgħod fuqu. Tabilħaqq, anqas jien ma kont nafu; imma dak li bagħatni ngħammed bl-ilma, hu stess qalli: ‘Fuq min tara l-Ispirtu jinżel u joqgħod, dak hu li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu’. Dan rajtu b’għajnejja, u għalhekk xhedt, dan hu l-Iben ta’ Alla”. Ġw 1:29-34.

pexels/eg39: power in meekness.

i. F’dak iż-żmien, Ġwanni, ra lil Ġesù riesaq lejh, u qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja.

Ġwanni, msoffi mis-superfiċjalità:
fid-deżert tgħallem jgħarbel
dak li jagħti l-ħajja minn dak li le

mhux biss jinnota min riesaq lejh
imma jara (u jistedinna naraw) aktar fil-fond:

Alla jiġi fi stil umli, ġentili,
fil-qawwa li jieħu fuqu d-dnub li jifga:
Araw il-Ħaruf t’Alla.

Irrifletti:
Fejn tara s-sinjali t’Alla?

pexels/azadphotos: God establishes a new covenant.

ii. U Ġwanni xehed għalih u qal: “Jiena rajt l-Ispirtu nieżel mis-sema bħal ħamiema u joqgħod fuqu.

Ġwanni mhux biss ra lil Ġesù
imma ħa l-ħin biex jikkontemplah,
il-ħin biex jinnota u jintmess minn dak li qed jiġri:

jara l-Ispirtu mis-sema jinżel fuqu
u miegħu il-qawwa li jagħti d-dawl lill-għomja
aħbar tajba lill-bniedem fraġli

jagħraf il-ħamiema li bagħat Noe –
wara dilluvju konsegwenza tal-ħażen –
issa tistrieħ fuq Dak li ġie jsalva l-ħolqien kollu;

u jiftakar fil-ħamiema tal-għanja tal-għanjiet
turih b’liema tenerezza
l-għarus jiġi jiltaqa’ mal-umanità.

Ġwanni jikkontempla u jieħu nifs.

Irrifletti:
Fejn waqaft tikkontempla lil Alla?

pexels/kampus: light in our darkness.

iii. “Tabilħaqq, anqas jien ma kont nafu; imma dak li bagħatni ngħammed bl-ilma, hu stess qalli: ‘Fuq min tara l-Ispirtu jinżel u joqgħod, dak hu li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu’. Dan rajtu b’għajnejja, u għalhekk xhedt, dan hu l-Iben ta’ Alla”.

Ġwanni mhux biss jinnota u jikkontempla:
huwa jara u jemmen
bħad-dixxiplu l-maħbub quddiem il-faxex fl-għodwa tal-qawmien.

Jara u jemmen
f’Dak li ġej lejh
fi stil sempliċi ta’ profondità eterna
f’apparenza ta’ dgħufija imma b’qawwa li ma tintrebaħx:
jitgħabba bid-dnub tad-dinja
filwaqt li jimmarka bil-qdusija lil kull min jimxi warajH.

Irrifletti:

F’liema rokna ta’ ħajtek tixtieq li d-dawl jmiss id-dlam li titħabat miegħu?

  1. Missierna
Comments are closed.