Tliet modi kif tgħix ir-Randan.

Tliet modi kif tgħix ir-Randan.

F’dak iż-żmien, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil ħuh Ġwanni, tellagħhom fuq muntanja għolja weħidhom, u tbiddel quddiemhom. Wiċċu sar jiddi bħax-xemx, u lbiesu sar abjad bħad-dawl. U dehrulhom Mosè u Elija jitħaddtu miegħu. Qabeż Pietru u qal lil Ġesù: “Mulej, kemm hu sew li aħna hawn! Jekk trid, intella’ hawn tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè u waħda għal Elija”. Kif kien għadu jitkellem, sħaba kollha dawl għattiethom, u minn ġos-sħaba nstema’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu”.
Id-dixxipli, kif semgħu dan, waqgħu wiċċhom fl-art, mimlijin biża’. Ġesù resaq lejhom, messhom u qalilhom: “Qumu. La tibżgħux”. Huma refgħu għajnejhom u ma raw lil ħadd ħlief lil Ġesù waħdu.
Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, Ġesù ordnalhom u qalilhom: “Tgħidu lil ħadd b’din id-dehra sa ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet”. Mt 17:1-9

pexels/matreding: the courage of intimacy.

i. Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil ħuh Ġwanni, tellagħhom fuq muntanja għolja weħidhom, u tbiddel quddiemhom. Wiċċu sar jiddi bħax-xemx, u lbiesu sar abjad bħad-dawl. U dehrulhom Mosè u Elija jitħaddtu miegħu.

Dan ir-Randan
imsejjaħ nirbaħ il-biża’
u nħallih itellagħni fuq il-muntanja tal-intimità
sabiex nagħraf is-sbuħija t’Alla tiddi fuq wiċċ Kristu
u ninżel fil-fond fil-misteru tal-istorja
immarkata mill-presenza attiva tiegħU.

Irrifletti:

  • Fejn għandek stedina tidħol f’intimità m’Alla?

pexels/pixabay: the humility to receive.

ii. Qabeż Pietru u qal lil Ġesù: “Mulej, kemm hu sew li aħna hawn! Jekk trid, intella’ hawn tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè u waħda għal Elija”. Kif kien għadu jitkellem, sħaba kollha dawl għattiethom, u minn ġos-sħaba nstema’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu”.

Dan ir-Randan
qabel tieħu xi inizjattiva biex tagħmel xi ħaġa
mistieden l-ewwelnett tieqaf,
toqgħod taħt is-sħaba kollha dawl
tintmess mill-presenza qaddisa t’Alla,
tagħraf fi Kristu r-rieda t’Alla li jridilna l-ġid,
timtela mill-ġdid bil-ħeġġa li tisma’ lilu
li tibqa’ mhux fuq il-muntanja
imma tibqa’ miexi warajh, anke meta kollox jgħidlek
li “għalxejn!”.

Irrifletti:

  • Liema ġrajjiet faċli jisirqulek il-fiduċja fi Kristu?

pexels/leyla21m: steps supported by the light.

iii. Id-dixxipli, kif semgħu dan, waqgħu wiċċhom fl-art, mimlijin biża’. Ġesù resaq lejhom, messhom u qalilhom: “Qumu. La tibżgħux”. Huma refgħu għajnejhom u ma raw lil ħadd ħlief lil Ġesù waħdu.
Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, Ġesù ordnalhom u qalilhom: “Tgħidu lil ħadd b’din id-dehra sa ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet”

Dan ir-Randan
ħalli l-id ġentili ta’ Kristu tmissek
u l-vuċi qawwija tiegħU tikkonvinċik:
“Qum, la tibżax”.

Intmess mis-sagrament tal-ħniena t’Alla
u tħalli l-ebda dnub
jgħidlek li ma tistax tqum u timxi …

U tħalli l-ebda nuqqas ta’ perfezzjoni
fik u fis-soċjetà
jaqtagħlek qalbek li nistgħu nagħmel il-pass li jmiss
lejn il-qawmien sħiħ

u tħalli l-ebda ħażen
l-ebda xibka ta’ qerq
li qed teqred is-soċjetà u toqtol it-tajjeb
timlik bil-biża’u żżommok milli tibqa’ miexi …

imma għalissa żomm f’qalbek il-kliem tiegħu.

Irrifletti:

  • Oqgħod ftit fis-skiet mal-kliem ta’ Ġesù lilek “Qum, la tibżax.”.

3. Missierna  

Comments are closed.