Bil-pass tagħna u l-ħarsa tiegħu. Niċċelebraw l-Evanġelju tat-tielet Ħadd tal-Għid.

Dakinhar stess fl-ewwel jum tal-ġimgħa, ġara li tnejn mid-dixxipli kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, xi sittin stadju bogħod minn Ġerusalemm, jitħaddtu bejniethom fuq kull ma kien ġara. Huma u jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom. Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh. U hu qalilhom: “X’intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?”. U huma waqfu, b’ħarsa ta’ niket fuq wiċċhom. Imbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: “Inti waħdek il-barrani f’Ġerusalemm li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?”.

“X’ġara?”, staqsiehom Ġesù. Qalulu: “Dak li ġara lil Ġesù ta’ Nazaret, li kien profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu, kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh f’idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn il-ġrajja!

Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar u l-katavru tiegħu ma sabuhx; ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj. Imbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!”.

Qalilhom Ġesù: “Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kulma qalu l-profeti! U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?”. U beda minn Mosè u l-profeti kollha jfissrilhom kulma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.

Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin hu għamel tabirruħu li kien se jibqa’ sejjer aktar ’il bogħod. Iżda huma ġegħluh jibqa’ magħhom u qalulu: “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm”. Imbagħad daħal biex joqgħod magħhom. U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom. Imbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom. U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: “Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?”.

Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax u lil sħabhom miġbura flimkien, u dawn qalulhom: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!”. U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż. Lq 24:13-35

pexels/euanderfs: speed of encounter.

i. Dakinhar stess fl-ewwel jum tal-ġimgħa, ġara li tnejn mid-dixxipli kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, xi sittin stadju bogħod minn Ġerusalemm, jitħaddtu bejniethom fuq kull ma kien ġara. Huma u jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom.

Il-veloċità ta’ Alla –
“3 mili fis-siegħa” (Kosuke Koyama) –
il-pass tal-bniedem

Mhux ir-ritmu mgħaġġel
iżda l-pass bil-mod u ġentili
li jqarreb mhux jaqta’ n-nifs.

Irrifletti:

  • X’inhu r-ritmu tiegħi? Tas-soċjetà? Fejn jeħodna?

pexels/dilara haziroglu: weaving through life’s mystery.

ii. Qalulu: “Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn il-ġrajja!” … Qalilhom Ġesù: “Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kulma qalu l-profeti! U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?”. U beda minn Mosè u l-profeti kollha jfissrilhom kulma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.

Tant aspettattivi
minna nfusna, min-nies ta’ ġewwa, mir-realtà:
neżiġu riżultat malajr,
nispiċċaw b’diżappunt kbir:
xi darba “konna nittamaw”!

Imma t-tifsira tal-ħajja
tintiseġ bil-mod:
u l-Irxoxt jaf, u għandu l-paċenzja jispjega.

Irrifletti:

  • Fejn skoprejt l-għerf tal-ħajja?

pexels/cottonbro: sharing life.

iii. Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin hu għamel tabirruħu li kien se jibqa’ sejjer aktar ’il bogħod. Iżda huma ġegħluh jibqa’ magħhom u qalulu: “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm”. Imbagħad daħal biex joqgħod magħhom. U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom. Imbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom.

Dak li hu minn dejjem
li jimxi magħhom bit-3 mili fis-siegħa
issa mistieden jieqaf – għax sar ħafna ħin!

Dawk li ddeċidew li jieqfu
għax kienu waqfu jittamaw
issa jerġgħu jitilqu, jerġgħu jibdew …

Għax il-Ħaj, l-Alfa u l-Omega, il-bidu u t-tmiem
qasam magħhom il-ħin, is-sens, il-ħobż: ħajtu.

Irrifletti:

  • Xi tfisser l-Ewkaristija għalik?

3. Missierna  

TAGS

CATEGORIES

Family Liturgy

Comments are closed