Mara, il-fidi tiegħek kbira.

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew – Mt 15, 21-28

F’dak iż-żmien, Ġesù telaq lejn Tir u Sidon. U ħarġet waħda mara Kangħanija minn dawk l-inħawi, u qabdet tgħajjat u tgħid: “Ħenn għalija, Mulej, Bin David; binti għandha fiha xitan, u magħdura ħafna!”. Iżda hu ma weġibhiex kelma. Resqu lejh id-dixxipli tiegħu, jitolbuh u jgħidulu: “Eħles minnha, għax ġejja tgħajjat warajna”. Imma hu qalilhom: “Ma ġejtx mibgħut ħlief għan-nagħaġ li ntilfu mid-dar ta’ Iżrael”.

Iżda hi resqet, inxteħtet quddiemu u qaltlu: “Għinni Mulej!”. Hu weġibha: “Mhux sewwa tieħu l-ħobż tal-ulied u tixħtu lill-ġriewi”. “Hekk hu, Mulej – qaltlu – iżda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda ta’ sidienhom!”. Imbagħad wieġeb Ġesù u qalilha: “Mara, il-fidi tiegħek kbira! Ħa jsirlek kif tixtieq”. U minn dak il-ħin stess bintha fieqet.

Riflessjoni

“Ħa jsirlek kif tixtieq”. Xi kliem mimli konsolazzjoni! Nitolbu u nitolbu bil-perseveranza għal uliedna u wlied uliedna għax huma mfixkla mix-xitan, ċaħdu lil Alla u ċċaħħdu mill-grazzji tiegħu. Irribellaw kontra l-ħniena t’Alla. Imma l-istorja ta’ dil-mara u l-fidi tagħna ssuqna biex ma naqtgħux qalbna. Ġesù kapaċi jkeċċi kull xitan u kull ostaklu li jfixkel u jagħti skandlu lil uliedna. Ejjew nemmnu u nippersistu fix-xewqat tagħna li naraw lil uliedna ħielsa u mfejqa. Thossok qalbek

maqtugħa quddiem din is-sitwazzjoni? Temmen li Ġesù kapaċi jegħleb l-għedewwa ta’ wliedek?

Talba – Missier, ħenn għalina u berikna!

TAGS

CATEGORIES

Family Liturgy

Comments are closed