Mela ma għandkomx fidi?

Mela ma għandkomx fidi?

Niċċelebraw l-Evanġelju tat-12-il Ħadd – B.

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Roddu ħajr lill-Mulej, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

Darba, filgħaxija, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ejjew naqsmu għax-xatt l-ieħor”. Ħallew in-nies, u ħaduh magħhom kif kien fid-dgħajsa; u marru miegħu dgħajjes oħra.

U qam riefnu kbir, u l-mewġ beda tiela’ għal ġod-dgħajsa, hekk li kienet ġa bdiet timtela bl-ilma. Hu kien fil-poppa, rieqed fuq imħadda. Qajmuh u qalulu: “Mgħallem, dan qisu mhu xejn għalik li aħna se nintilfu?”.

Imbagħad qam, ordna lir-riħ u qal lill-baħar: “Iskot! Biżżejjed!”. U r-riħ waqaf u waqgħet kalma kbira. U qalilhom: “Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?”.

U qabadhom biża’ kbir, u bdew jgħidu lil xulxin: “Dan min hu, mela, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu?”

(Mk 4, 35-41)

pexels/pixabay: facing an unpredictable future.

Riflessjoni u talba:

i.  Darba, filgħaxija, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ejjew naqsmu għax-xatt l-ieħor”. Ħallew in-nies, u ħaduh magħhom kif kien fid-dgħajsa

Ftit ilu kien qalilhom fuq il-futur ta’ żerriegħa tal-mustarda
fuq il-lampa li tpoġġiha fejn iddawwal mhux taħt xi għatu
u issa jgħidilhom jaqdfu għax-xatt l-ieħor
fejn hemm il-pagani
fejn hemm l-“oħrajn” bir-riskju li jġibu magħhom.
 
Ħaduh magħhom kif kien fid-dgħajsa
mhux għax fehmu wisq
la lilU u lanqas il-parabboli li qalilhom.

Irrifletti

  • Xi tfisser għalik l-isfida li taqsam għax-xatt l-ieħor?
pexels/pixabay: peace that comes from above


ii. 
Qajmuh u qalulu: “Mgħallem, dan qisu mhu xejn għalik li aħna se nintilfu?”.

Ftit ilu kien qalilhom il-parabbola
taż-żerriegħa li l-bidwi żera’
taż-żerriegħa li, rieqed jew imqajjem,
tikber bla ma jaf kif.
 
Hemm kuntrast bejn il-maltempata li nġarrbu fina
quddiem it-theddida li nintilfu, li ż-żerriegħa tmut,
u l-fiduċja profonda fil-ħemda ta’ Ġesù fil-poppa
il-post fejn l-ewwel li jasal l-ilma li jidħol fid-dgħajsa.

Irrifletti

  • Liema esperjenzi iqajmu fik il-biża’ li ser tintilef?

pexels/inzmamkhan: battling fear.


iii. Imbagħad qam, ordna lir-riħ u qal lill-baħar: “Iskot! Biżżejjed!”. U r-riħ waqaf u waqgħet kalma kbira. U qalilhom: “Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?”.

Dak li raqad fil-fond tal-art
u qam mill-mewt
rebbieħ fuq kull theddida għaż-żerriegħa
biex tikber u tagħti l-frott
 
jordna l-irwiefen fija
“Iskot! Biżżejjed!”
u jibdel l-ilma li daħal fid-dgħajsa –
il-biża’ u n-nuqqas ta’ kuraġġ quddiem ix-xatt l-ieħor –
f’ilma li jnissel fil-fidi
fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu..

Irrifletti

  • Erġa isma l-mistoqsijiet tal-Magħmudija … Temmnu intom f’Alla, il-Missier li jista’ kollox, li ħalaq is-sema u l-art? Temmnu f’Ġesù Kristu, Ibnu l-waħdieni u Sidna, li twieled minn Marija Verġni, bata u miet u difnuh, qam minn bejn l-imwiet u qiegħed fil-lemin tal-Missier? Temmnu fl-Ispirtu s-Santu, fil-Knisja mqaddsa kattolika, fix-xirka tal-qaddisin, fil-maħfra tad-dnubiet, fil-qawma mill-imwiet u fil-ħajja ta’ dejjem.


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.