Mis-sema.
Niċċelebraw l-Evanġelju tad-19-il Ħadd – B.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, il-Lhud bdew igergru fuq Ġesù għax kien qal: “Jiena hu l-ħobż li niżel mis-sema”. U bdew jgħidu: “Dan mhuwiex Ġesù bin Ġużeppi? Lil missieru u ’l ommu ma nafuhomx? Mela kif qiegħed jgħid: ‘Jiena nżilt mis-sema’?”.
Ġesù weġibhom: “Toqogħdux tgorru bejnietkom. Ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja; u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Hemm miktub fil-Profeti: ‘U kulħadd ikun imgħallem minn Alla’. Mela kull min jisma’ lill-Missier u jitgħallem minnu jiġi għandi. Mhux għax xi ħadd qatt ra lill-Missier ħlief dak li hu minn Alla; hu dan li ra lill-Missier. Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen għandu l-ħajja ta’ dejjem.
Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Missirijietkom kielu l-manna fid-deżert, u mietu; dan hu l-ħobż nieżel mis-sema, biex min jiekol minnu ma jmutx.
Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja”.
(Ġw 6:41-51)
Riflessjoni u talba:
i. Il-Lhud bdew igergru fuq Ġesù għax kien qal: “Jiena hu l-ħobż li niżel mis-sema”. U bdew jgħidu: “Dan mhuwiex Ġesù bin Ġużeppi?”
Kienu lesti li jmiddu l-pass
u jfittxu lil dak li tema’ folla nies
b’ħames ħobżiet
fejn kulħadd kiel sew.
Imma bdew igergru
xħin qalilhom li hu ikel mis-sema:
ma kienux lesti li jmiddu l-pass
u jiskopru li hemm aktar mill-ħobż
li s-sema jista’ jmiss l-art
li Ġesù mhux biss iben Ġużeppi
li l-bniedem jista’ jimxi lejn is-sema.
Irrifletti
- Fejn skoprejt xi ħaġa aktar profonda f’nofs in-normalità?
ii. Ġesù weġibhom: “Toqogħdux tgorru bejnietkom. Ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja; u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum.
Moħħna jasal sa ċertu punt,
imbagħad neħlu
u nibqgħu ingergru u ngergru bejnietna
bla qatt nistgħu noħorġu miċ-ċirku ċkejken
li penġejna aħna stess.
Ieqaf ftit mit-tgergir
u ħalli l-Missier jgħinek twessa’ ċ-ċirku
ħallih jerfagħlek qalbek ‘l fuq
ħallih ilaqqgħek ma’ Ibnu
li anke meta ċ-ċirku jindifen
jerġa’ jiftħu mill-ġdid;
li ċ-ċirku vizzjuż li jiġġenera mewt
jibdlu f’ċirku virtwuż li jġib il-ħajja.
Irrifletti
- Liema sfida ta’ Ġesù timlik bil-ħajja?
iii. “Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja”
Il-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema
mhux “spiritwali”, mhux sħab fl-ajru, mhux ideat sbieħ
iżda “ġisem” li jingħata biex jagħti l-ħajja
ġesti konkreti ta’ persuna li tħobb f’dinja reali
inizjattivi ħierġa minn sema ċar u qalb onesta
li tidħol f’dinja kumplessa b’għożża, intelliġenza, perspettiva.
Irrifletti
- Fejn rajt il-ġenerożità ta’ Alla taħdem?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.