Biex jaqdi.
Niċċelebraw l-Evanġelju tad-29 Ħadd – B.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna,
kif fik hi t-tama tagħna.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, resqu lejh u qalulu: “Mgħallem, dak li se nitolbuk irriduk tagħtihulna”. “Xi triduni nagħmlilkom?”, staqsiehom. U huma weġbuh: “Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug fil-glorja tiegħek”.
Imma Ġesù qalilhom: “Ma tafux x’intom titolbu. Għandkom ħila tixorbu l-kalċi li se nixrob jien, u titgħammdu bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien?”. “Għandna”, qalulu. Imbagħad qalilhom Ġesù: “Il-kalċi li se nixrob jien tixorbuh, iva, u titgħammdu wkoll bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien; imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew fuq ix-xellug tiegħi, din mhijiex ħaġa tiegħi li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom kienet imħejjija”.
L-għaxra l-oħra, meta semgħu dan, saħnu għal Ġakbu u għal Ġwanni. Imma Ġesù sejħilhom u qalilhom: “Tafu intom, dawk in-nies, li l-bnedmin jgħodduhom bħala kapijiet tal-pagani, jaħkmu fuqhom, u l-kbarat tagħhom iħaddmu s-setgħa tagħhom fuqhom. Fostkom ma għandux ikun hekk, imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd. Għax hekk ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra”. (Mk 10:35-45)
Riflessjoni u talba:
i. F’dak iż-żmien, Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, resqu lejh u qalulu: “Mgħallem, dak li se nitolbuk irriduk tagħtihulna”. “Xi triduni nagħmlilkom?”, staqsiehom. U huma weġbuh: “Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug fil-glorja tiegħek”.
Żgħażagħ, mimlija entużjażmu, aspirazzjonijiet,
forsi bħar-raġel li ġie qabilhom, attirati mill-“Imgħallem tajjeb”
iġorru xewqat kbar.
U fl-istess ħin fraġli quddiem il-pretensjoni
forsi frott il-kultura ta’ entitlement
jew attirati wkoll mill-post ta’ suċċess.
Ġesù ma jitfix l-entużjażmu,
ma jaqlax is-sikrana u jitlef il-qamħ:
jisma’, jistaqsi u jiggwida.
Irrifletti:
- Liema mistoqsija jpoġġilek quddiem l-aspirazzjonijiet tiegħek?
ii. L-għaxra l-oħra, meta semgħu dan, saħnu għal Ġakbu u għal Ġwanni.
Forsi ħasbu li żewġ postijiet biss hemm – lemin u xellug,
jew li l-valur tagħhom jitla’ skont it-tarġa, it-titlu, il-posizzjoni li lħaqt
u jinżel skont it-tarġa, it-titlu, il-posizzjoni li laħaq ħaddieħor.
U daħlet l-għira.
L-aspirazzjoni, il-ħeġġa biex wieħed jimxi ‘l quddiem,
malajr isiru mażra jew sors ta’ firda
meta miftuma mis-sbuħija ta’ meta wieħed jirċievi d-don tal-persuna l-oħra
u juża d-don tiegħu biex jaqdi.
Irrifletti
- X’hemm li tixtieq toffri għall-ġid tal-oħrajn? X’tapprezza f’dawk li qed jużaw il-posizzjoni tagħhom għall-ġid?
iii. Imma Ġesù sejħilhom u qalilhom: “Tafu intom, dawk in-nies, li l-bnedmin jgħodduhom bħala kapijiet tal-pagani, jaħkmu fuqhom, u l-kbarat tagħhom iħaddmu s-setgħa tagħhom fuqhom. Fostkom ma għandux ikun hekk, imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom …
Għandu stil:
f’kuntest ta’ pika jiżra l-għaqda
jippurfika l-motivazzjonijiet bi kliem sempliċi u dirett
ma jużax dominazzjoni fuq il-persuni (lanqas meta fl-iżball) iżda jibqa’ jservi, jaqsam dak li hu ta’ ġid;
jispirana fil-persuni li jibqgħu jistinkaw għall-ġid minkejja li ma jirċevux rikonoxximent.
Irrifletti
- Ikkontempla lil Ġesù li ma ġiex biex ikun moqdi iżda biex jaqdi.
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.