Issellem.

Issellem.

Niċċelebraw l-Evanġelju tar-4 Ħadd tal-Avvent – C.

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Mulej, itfa’ fuqna d-dija ta’ wiċċek, u nkunu salvi.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi? Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej”.

(Lq 1: 39-45)

pexels/sevil yeva: meaningful encounters

Riflessjoni u talba:

i. F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta.

L-esperjenza ta’ Alla
ta’ dak li hu ġenwinament uman
ta’ dak li jiswa
 
tasal permezz ta’ relazzjoni
ta’ tislima
ta’ preżenza interessata fil-persuna l-oħra.

Irrifletti:

  • Ftakar f’mumenti importanti fejn xi ħadd sellimlek b’mod sinifikattiv.
pexels/rdne: filled with joy.


ii. Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek!

Eliżabetta li għamlet ħames xhur moħbija
għax qalet: ““Hekk għamel miegħi l-Mulej,
li għoġbu jneħħili minn fuqi l-għajb li kelli quddiem in-nies!” (Lq 1,25)
 
Eliżabetta issa tbierek lil Marija
li min jaf x’kienu qed jaħsbu fuqha n-nies–
mara tqila imma mhux miżżewġa.
 
Eliżabetta tagħraf is-sinjali ta’ Alla li qed iżurha
tagħraf is-sinjali ta’ Alla li jiġi jżurna minn fejn ma nistennewhx
tagħraf u tbierek
u tistedinna biex nagħmlu l-istess.

 

Irrifletti

  • Fejn tara s-sinjali tal-preżenza t’Alla?
pexels/amina filkins: shared joy.


iii.  “Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej”.

Fit-tislima tagħraf dak li hu ġenwin:
mhix tislima vojta, tad-drawwa, sakemm ngħaddi għal dak li għandi x’nagħmel
mhix tislima sakemm nasal għall-punt: dak li għandi bżonn jien
imma tislima ta’ dik li ħalliet lil Alla jkun f’ħajjitha
jittrasforma l-ġisem tagħha, il-persuna tagħha.
 
Waqt li l-ġisem ta’ Marija għaddej minn taqlib kbir tal-ewwel xhur tat-tqala
min iltaqa’ magħha qabeż bil-ferħ:
hemm Alla li qed isellem, iżur, jiltaqa’
fil-persuna tagħha, fil-ġisem li laqa’ lill-Alla-li-sar-bniedem.

Irrifletti

  • Ieqaf ftit u apprezza l-ferħ li tiġġenera meta tħalli lil Alla jgħammar fik, meta lilu ġġorr fir-relazzjonijiet.


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.