Vjaġġ.

Vjaġġ.

Niċċelebraw l-Evanġelju tal-Epifanija – C.

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Il-ġnus kollha tal-art jagħtuk qima, Mulej.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

Meta twieled Ġesù f’Betlehem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi mil-Lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: “Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh”. Is-sultan Erodi sama’ bihom, u tħawwad hu u Ġerusalemm kollha miegħu. Ġabar flimkien il-qassisin il-kbar u l-kittieba kollha tal-poplu, u ried jaf mingħandhom fejn kellu jitwieled il-Messija. U huma qalulu: “F’Betlehem tal-Lhudija, għax hekk inkiteb mill-profeta: “U int, Betlehem, art ta’ Ġuda, le, m’intix l-iżgħar fost il-bliet il-kbar ta’ Ġuda, għax minnek joħroġ mexxej li jirgħa l-poplu tiegħi Iżrael”.

Erodi mbagħad sejjaħ lill-maġi bil-moħbi, u tkixxef bir-reqqa kollha mingħandhom iż-żmien li fih dehritilhom il-kewkba; bagħathom Betlehem u qalilhom: “Morru, staqsu sewwa għat-tifel, u meta ssibuh ejjew għiduli, ħalli jien ukoll niġi nqimu”.

Dawk, wara li semgħu lis-sultan, telqu, u ara, il-kewkba li kienu raw tielgħa bdiet miexja quddiemhom sakemm waslet u waqfet fuq il-post fejn kien hemm it-tifel. Kif raw il-kewkba mtlew b’ferħ kbir tassew. Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ ommu Marija, inxteħtu fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali deheb, inċens u mirra. Imbagħad, billi kienu mwissijin f’ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, telqu lura lejn arthom minn triq oħra.

(Mt 2: 1-12)

pexels/roman odintsov: lead kindly light.

Riflessjoni u talba:

i. Meta twieled Ġesù f’Betlehem tal-Lhudija, fi żmien is-sultan Erodi, xi maġi mil-Lvant ġew Ġerusalemm jistaqsu: “Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh”.

Alla li jiġi
Alla li juri lilu nnifsu
 
dawl fid-dlam
Ġesù f’Betlehem
 
mhux biex il-bniedem jibqa’ fejn hu
iżda biex il-bniedem jistaqsi l-mistoqsijiet profondi
biex il-bniedem jinfetaħ għat-tama
biex il-bniedem jiċċaqlaq.

Irrifletti:

  • X’inhi x-xewqa prinċipali tiegħek?
pexels/mart production: bound to what?


ii. Erodi mbagħad sejjaħ lill-maġi bil-moħbi, u tkixxef bir-reqqa kollha mingħandhom iż-żmien li fih dehritilhom il-kewkba; bagħathom Betlehem u qalilhom: “Morru, staqsu sewwa għat-tifel, u meta ssibuh ejjew għiduli, ħalli jien ukoll niġi nqimu”.

Kultant il-bniedem jistaqsi
ikollu r-risposti
imma ma jiċċaqlaqx.
 
Kultant għax mhux lest jiskopri iżjed
jew għax il-poter jagħtih sigurtà;
kultant għax ma jafx x’bidliet se ġġib magħha l-imħabba
ix-xefaq ġdid li tiftaħ il-qima – ta’ Alla flok tiegħek innifsek.

Irrifletti

  • Xi tfisser għalik li tqim lil Alla?
pexels/frendsmans: surprised by joy.


iii.  Kif raw il-kewkba mtlew b’ferħ kbir tassew. Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ ommu Marija, inxteħtu fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali deheb, inċens u mirra. Imbagħad, billi kienu mwissijin f’ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, telqu lura lejn arthom minn triq oħra.

Dak li jċaqlaq lill-Maġi –
u li Erodi għadu ma skopriex –
mhux il-biża minn xi ħadd akbar
mhux l-insigurtà li xi ħadd jieħu posthom
mhux id-dover ta’ regoli u responsabbiltajiet
 
iżda l-ferħ!
ta’ dawl li jsaħħan il-qalb
ta’ Alla umli li ma jbaxxi lil ħadd
ta’ għerf intern li jgħaddik minn toroq li qatt ma ħlomt
biex il-ferħ ta’ Alla isir l-istilla li tmexxi l-vjaġġ.

Irrifletti

  • Ieqaf ftit fuq mument fejn doqt ferħ sempliċi imma profond?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.