X’qed tiżra’?

X’qed tiżra’?

Niċċelebraw l-Evanġelju tas-7 Ħadd – C.

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

 Ħanin u twajjeb il-Mulej.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Imma lilkom, li qegħdin tisimgħuni, ngħidilkom: Ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom, bierku lil min jisħetkom, itolbu għal min iżeblaħkom. Min jagħtik bil-ħarta fuq naħa waħda, dawwarlu wiċċek ħalli jagħtik fuq in-naħa l-oħra; min jeħodlok il-mantar, anqas il-libsa ma għandek tiċħadlu. Agħti lil kull min jitolbok; u min jeħodlok xi ħaġa tiegħek, titlobhilux lura. Kif tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, hekk ukoll agħmlu intom lilhom. Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax il-midinbin ukoll iħobbu lil min iħobbhom. U jekk tagħmlu l-ġid lil min jagħmel il-ġid lilkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax dan jagħmluh saħansitra l-midinbin. U jekk tisilfu xi ħaġa lil min tistennewh iroddhielkom lura, xi ħlas jista’ jkollkom? Il-midinbin ukoll jisilfu lill-midinbin, bil-ħsieb li jieħdu lura daqshekk ieħor mingħandhom.

Imma intom ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid, isilfu bla ma tistennew xi ħaġa lura, u l-ħlas tagħkom ikun kbir; u tkunu wlied Alla l-Għoli, li hu tajjeb mal-ingrati u l-ħżiena. Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom. Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra; agħtu, u jingħatalkom. Kejl tajjeb, marsus, mheżżeż sewwa u mburġat iqegħdulkom f’ħoġorkom; għax bl-istess kejl li tkejlu intom jitkejjel lilkom”.

(Lq 6, 27-38)

pexels/miroshnichenko: attentive love.

Riflessjoni u talba:

i. Imma lilkom, li qegħdin tisimgħuni, ngħidilkom: Ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom, bierku lil min jisħetkom, itolbu għal min iżeblaħkom.

“Lilkom li qed tisimgħuni”.

Magħhom jaqsam dak li hemm f’qalbu
f’ritmu li jesprimi ħeġġa, entużjażmu, ħajja,
fi kliem li jesprimi qalb li qed tfur b’imħabba
mimlija tama fil-persuna l-oħra:
l-ebda persuna ma hi ta’ min jarmiha, jaqta’ qalbu minnha, ireġġa’ l-ħażin fuqha.

Irrifletti:

  • Quddiem sitwazzjonijiet diffiċli, il-ħeġġa ta’ Ġesù kif tgħinek?
pexels/photogrphersaala: be generous towards the future.


ii. Kif tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, hekk ukoll agħmlu intom lilhom. Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jista’ jkollkom?

Henjin intom li għalissa bil-ġuħ,
għax għad tkunu mxebbgħin.

Fejn m’hemmx imħabba,
poġġi l-imħabba u ssib l-imħabba.

Iżra’ t-tajjeb, ifrex idejk b’mod ħieles.
Min jiżra fid-dmugħ, jaħsad bil-ferħ.

Taqtax qalbek mill-futur ta’ Alla
mis-sbuħija tas-Saltna t’Alla.

Ibda għix il-futur li temmen fih minn issa.

Irrifletti

  • It-tama kif tgħinek tapprezza dan l-Evanġelju?
pexels/greece china news: give room to be surprised.


iii.  Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom. Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra; agħtu, u jingħatalkom.

Il-ħniena t’Alla ssawwar il-futur:
ingħaqad miegħu!

Agħti spazju biex tifhem aħjar il-persuna: tiġġudikax.
Agħti ċans ieħor lill-persuna: tikkundannax.
Iżra’ futur tajjeb fil-persuna li wettqet il-ħażen: aħfer.
Kun parteċipi f’ċirku virtwuż: agħti.

Irrifletti

  • Fejn kellek esperjenza ta’ min fittex li jifhmek u jagħtik possibiltà oħra? Fejn irċevejt futur?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.