
Vjaġġ interjuri.
Niċċelebraw l-Evanġelju tat-8 Ħadd – C.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Tajjeb li nfaħħru l-Mulej.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli din il-parabbola: “Jista’ agħma jmexxi agħma ieħor? Mhux it-tnejn jaqgħu fil-ħofra? Id-dixxiplu mhuwiex aqwa mill-imgħallem tiegħu; imma kull min itemm it-taħriġ tiegħu jsir bħall-imgħallem tiegħu. Għax tara t-tibna f’għajn ħuk, u ma tarax it-travu li għandek f’għajnek int? Kif tista’ tgħidlu lil ħuk: ‘Ħi, ejja nneħħilek it-tibna li għandek f’għajnek’, meta m’intix tara t-travu li għandek f’għajnek int? Ja wiċċ b’ieħor! Neħħi l-ewwel it-travu minn għajnek int, ħalli mbagħad tara sewwa kif tneħħi t-tibna minn għajn ħuk. Ma hemmx siġra tajba li tagħmel frott ħażin, kif anqas ma hemm siġra ħażina li tagħmel frott tajjeb. Kull siġra mill-frott tagħha tingħaraf. Ħadd ma jiġbor it-tin mix-xewk, anqas l-għeneb mill-għolliq. Il-bniedem tajjeb mit-teżor tajjeb ta’ qalbu joħroġ it-tajjeb, u l-bniedem ħażin mit-teżor ħażin tiegħu joħroġ il-ħażin, għax mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm”.
(Lq 6:39-45)
Riflessjoni u talba:
i. Ġesù qal lid-dixxipli din il-parabbola: “Jista’ agħma jmexxi agħma ieħor? Mhux it-tnejn jaqgħu fil-ħofra? Id-dixxiplu mhuwiex aqwa mill-imgħallem tiegħu; imma kull min itemm it-taħriġ tiegħu jsir bħall-imgħallem tiegħu.
Hemm dubji fuqna nfusna
sens ta’ inadegwatezza
li jżommuna lura.
Hemm ukoll sens ta’ pretensjoni
nuqqas ta’ għarfien
li jdaħħal lilna u lil ħaddiehor ġo ħajt.
Imma hemm il-fiduċja tal-Imgħallem
li kapaċi jwassalna biex inkunu bħalu, miegħu,
biex aħna wkoll nistgħu immexxu lil ħaddieħor
lejn il-ħajja.
Irrifletti:
- Minn x’hiex tbati l-aktar?
ii. Għax tara t-tibna f’għajn ħuk, u ma tarax it-travu li għandek f’għajnek int? Kif tista’ tgħidlu lil ħuk: ‘Ħi, ejja nneħħilek it-tibna li għandek f’għajnek’, meta m’intix tara t-travu li għandek f’għajnek int?
Hemm vjaġġ interjuri li rrid nagħmel
biex nista’ nuri t-triq lil ta’ ħdejja.
Neħtieġ nagħraf il-ħofor li faċli naqa’ fihom
biex ngħin lil ħaddieħor jevitahom.
Hemm bżonn nesperjenza d-delikatezza meħtieġa biex jitnaddfu għajnejja
sabiex ma nkunx iebes u goff ma’ ħija:
imbagħad nista’ ngħinu jneħħi t-tibna bla ma jigref għajnejh.
Irrifletti
- Liema vjaġġ interjuri meħtieġ tagħmel?
iii. Ma hemmx siġra tajba li tagħmel frott ħażin, kif anqas ma hemm siġra ħażina li tagħmel frott tajjeb. Kull siġra mill-frott tagħha tingħaraf. Ħadd ma jiġbor it-tin mix-xewk, anqas l-għeneb mill-għolliq. Il-bniedem tajjeb mit-teżor tajjeb ta’ qalbu joħroġ it-tajjeb, u l-bniedem ħażin mit-teżor ħażin tiegħu joħroġ il-ħażin, għax mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm”.
Mhijiex il-frotta li tagħmel is-siġra
imma s-siġra li tagħmel il-frott.
Hija l-konvinzjoni interjuri
li tagħti timbru sabiħ lill-aġir.
Huwa l-impenn minn qalb li tħobb
li jagħti frott tajjeb
mhux l-isforz waħdu.
Irrifletti
- Liema kwalitajiet interjuri imsejjaħ tikkultiva?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.