Hemm triq oħra!

Hemm triq oħra!

Niċċelebraw l-Evanġelju ta’ Ħadd il-Għid

Kmieni mas-sebħ tal-ewwel jum tal-ġimgħa n-nisa marru ħdejn il-qabar u ħadu magħhom il-fwejjaħ li kienu ħejjew. Huma sabu l-ġebla mgerba minn quddiem il-qabar, imma meta daħlu fih, il-katavru tal-Mulej Ġesù ma sabuhx hemm.

U kif kienu mħassbin fuq dan, f’daqqa waħda dehrulhom quddiemhom żewġt irġiel libsin ilbies jiddi. In-nisa, mimlijin bil-biża’, baxxew għajnejhom lejn l-art; imma dawk qalulhom: “L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj? Mhuwiex hawn, imma qam. Ftakru x’kien qalilkom meta kien għadu fil-Galilija, meta qal: “Jeħtieġ li Bin il-bniedem jingħata f’idejn il-midinbin, ikun mislub, u fit-tielet jum iqum mill-imwiet”.

U huma ftakru kliemu. Telqu lura minn ħdejn il-qabar u marru jagħtu l-aħbar ta’ dan kollu lill-Ħdax u lill-oħrajn kollha. Kienu Marija ta’ Magdala u Ġwanna u Marija ta’ Ġakbu u n-nisa l-oħra li kellhom magħhom; huma kienu li qalu b’dan lill-appostli.

Imma d-diskors tagħhom l-appostli stħajluh thewdin, u ma emmnuhomx. Madankollu Pietru qam u mar b’ġirja lejn il-qabar; tbaxxa biex iħares, imma ma rax ħlief faxex, u raġa’ lura d-dar mgħaġġeb b’li kien ġara. (Lq 24:1-12)

pexels/marek piwnicki: learning to perceive grace.

i. U kif kienu mħassbin fuq dan, f’daqqa waħda dehrulhom quddiemhom żewġt irġiel libsin ilbies jiddi. In-nisa, mimlijin bil-biża’, baxxew għajnejhom lejn l-art; imma dawk qalulhom: “L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj? Mhuwiex hawn, imma qam.

Aktar faċli nemmen fil-mewt milli fil-qawmien.

Aktar faċli nibqa’ nfittex li ngħix ħajti qalb il-mejtin –
neħel mal-fallimenti tal-passat
infittex li nzomm mal-feriti ħalli nibqa’ nħossni vittma,
nibża noħlom futur ma mmurx nerġa’ nweġġa’!

L-għala tfittex qalb il-mejtin lil min hu ĦAJ?
Il-Ħaj li jagħti l-ħajja
Il-Ħaj li jiġġenera ħajja
fija wkoll!

Irrifletti:
Fejn mistieden tħalli warajk il-mewt u tinfetaħ għall-ħajja?

pexels/marek piwnicki: sharing passion’s light.

ii. U huma ftakru kliemu. Telqu lura minn ħdejn il-qabar u marru jagħtu l-aħbar ta’ dan kollu lill-Ħdax u lill-oħrajn kollha. Kienu Marija ta’ Magdala u Ġwanna u Marija ta’ Ġakbu u n-nisa l-oħra li kellhom magħhom; huma kienu li qalu b’dan lill-appostli.

Marru bil-fwejjaħ għall-ġisem mejjet
imma sabu l-ġebla mneħħija
sabu l-qabar vojt.

In-nisa reġgħu lura mibdula:
il-vojt tal-qabar isir il-ġuf li jnissel kelma li tagħti l-ħajja;
issa l-fwieħa mhux għal katavru mejjet
iżda biex jindilku l-Ħdax u l-oħrajn kollha
ħa jwasslu l-fwieħa tal-Irxoxt.

Irrifletti:
Min huma n-nisa f’ħajtek li wasslulek esperjenza tal-irxoxt?

pexels/marek piwnicki: living life drawn by it’s depth.

iii. Imma d-diskors tagħhom l-appostli stħajluh thewdin, u ma emmnuhomx. Madankollu Pietru qam u mar b’ġirja lejn il-qabar; tbaxxa biex iħares, imma ma rax ħlief faxex, u raġa’ lura d-dar mgħaġġeb b’li kien ġara.

Aktar faċli nemmnu fil-mewt milli l-qawmien.

Madankollu Pietru għamel spazju għal dak li ma fehemx
tbaxxa quddiem il-misteru li ser jibdel ħajtu kollha:
ra l-vojt tal-qabar u reġa’ lura fih innifsu
reġa’ lura d-dar,
lejn id-destin finali tiegħu.

Mhux lejn il-qabar mexjin imma lejn id-dar.
Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna għamajjar!

Irrifletti:
Kif tifhem id-destin tiegħek meta taqra dan il-Vanġelu?

Missierna

Comments are closed.