Jiġġenera paċi u ferħ mhux biża’ u għeluq.

Jiġġenera paċi u ferħ mhux biża’ u għeluq.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann

Dakinhar filgħaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”.
Tumas, wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna lill-Mulej”. Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx”. Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”.
Imbagħad qal lil Tumas: “Ġib sebgħek hawn u ara jdejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen”. Wieġeb Tumas u qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!”. Qallu Ġesù: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu”.
Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesù għamel quddiem id-dixxipli tiegħu u li mhumiex imniżżla f’dan il-ktieb. Iżda dawn inkitbu sabiex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija l-Iben ta’ Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu. (Ġw 20:19-31)

Riflessjoni u talba:

pexels/sarvesh sharma: receiving peace.

i. Dakinhar filgħaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!” Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej.

Il-ġenn tal-ħajja, il-kjass,
l-esperjenzi diffiċli – tiegħi, ta’ ħaddieħor –
jiġġeneraw biża’, għeluq,
jew ħarba:
nimxi għal rasi, tfittxija ta’ sodisfazzjoni temporanju.

L-irxoxt bil-kwiet, mingħajr kjass,
imiss il-qalba:
jiġġenera paċi, ferħ, missjoni.

Irrifletti:
Xi jfissru d-doni tal-paċi u l-ferħ fil-ħajja tiegħek bħalissa?

ii. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”.

Ir-risposta għar-realtà, għall-isfidi, għad-daqqiet
ħafna drabi tkun ħarba, għeluq, rassenjazzoni;
nitlef l-orjentazzjoni, niġri wara r-riħ,
insammar u nsallab lill-ħaddieħor.

Ġesù Rxoxt, fil-ħemda ta’ jum li jidher ser jintemm,
fit-tmiem tal-ewwel jum tal-ġimgħa li bħal donnu ma bdietx,
jagħġen lill-bniedem f’ħolqien ġdid,
jonfoħ mill-ġdid bħal fuq l-ewwel bniedem,
idewqu l-maħfra u jafdah mill-ġdid:
issa mhux biss biex jaħdem l-art u jikkura biex tagħti l-frott,
imma biex jillibera lil dawk li bħalu qed tilfu l-punt tal-ħajja
u bil-għatx għall-esperjenza tal-ħniena.

Irrifletti:
Kif tagħraf il-missjoni li qed jagħtik Kristu Rxoxt?

The Incredulity of Saint Thomas | Painting by the Italian Baroque master Caravaggio, c. 1601–1602

iii. Imbagħad qal lil Tumas: “Ġib sebgħek hawn u ara jdejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen”. Wieġeb Tumas u qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!”. Qallu Ġesù: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu”..

It-tjubija mhix idea sabiħa
iżda azzjoni prattika!
Alla, li mhux indifferenti,
iġorr il-marki tal-imħabba u s-solidarjetà konkreta.

Hemm hena mħabbra
għal dawk li ma jibqgħux indifferenti:
meta jgħixu t-tjubija u jmissu l-pjagi ta’ ħuthom
jiltaqgħu mal-Irxoxt.

Irrifletti:

Ħalli lil Kristu Rxoxt jonfoħ fuqek l-Ispirtu qaddis?

Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, għal dejjem ta’ dejjem.

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen

pexels/lara jameson: spreading the light.

Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.