
Jimxi quddiemna!
Niċċelebraw l-Evanġelju tar-raba’ Ħadd tal-Għid

pexels/alfinauzikri: Christ opens a way ahead.
Aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu.
- Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja. U jiena nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem; u huma ma jintilfu qatt, u minn idejja ma jaħtafhomli ħadd. Missieri, li tahomli, hu akbar minn kulħadd, u ħadd ma jista’ jaħtafhom minn id il-Missier. Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda”. (Ġw 10: 27-30)

pexels/orange ocean: belonging
i. Ġesù qal: “In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja”.
Ir-ragħaj it-tajjeb jagħrafna
iħobbna, joħloq sens ta’ appartenenza,
jagħmilna ta’ ġewwa.
U aħna nisimgħu leħnu
U nimxu ‘l quddiem.
“Aħna dixxipli ta’ Kristu. Kristu jimxi quddiemna.” Papa Ljun XIV
Irrifletti:
Xi tfisser li tappartjeni għal Kristu li jiftaħ triq ‘l quddiem?

pexels/prabinvlog: the power of gentleness
ii. U jiena nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem; u huma ma jintilfu qatt, u minn idejja ma jaħtafhomli ħadd.
Il-qawwa tal-imħabba eterna ta’ Alla
hija l-qawwa li dehret f’id ir-ragħaj it-tajjeb:
l-ebda ħażen ma jista’ jhedded lil min jintelaq f’idejH.
“Alla iħarisna, Alla iħobbna lkoll, u l-ħażen qatt m’hu ser jirbaħ” Aħna lkoll f’idejn Alla. Għalhekk, mingħajr biża’, magħquda id f’id ma’ Alla u bejnietna, ejjew nimxu ‘l quddiem”. Papa Ljun XIV
Irrifletti:
Fejn qed jistiednek tintelaq f’idejH?

pexels/pixabay: bridge of divine life.
iii. Missieri, li tahomli, hu akbar minn kulħadd, u ħadd ma jista’ jaħtafhom minn id il-Missier. Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda.
Ġesù, ir-Ragħaj it-tajjeb,
il-pont li jgħaqqadna ma’ Alla l-Missier li jista’ kollox,
li fiH il-bniedem isib il-valur u s-sens tal-ħajja tiegħu,
li fiH il-bniedem jerġa jiskopri u jħaddem il-kompassjoni,
li jiġġenera rispett ġenwin għad-dinjità tal-bniedem,
li fiH il-familja tissaħħaħ,
u s-soċjetà tista’ ssib fejqan għal tant ġrieħi li jifnuha.
“Id-dinja teħtieġ id-dawl tiegħU. L-umanità teħtieġ lilU bħala pont biex tmiss lil Alla u l-imħabba tiegħU”. Papa Ljun XIV
Irrifletti:
Fejn tilmaħ din l-esperjenza tal-Irxoxt?
- Missierna