Dewwi.

Dewwi.

Niċċelebraw l-Evanġelju tal-ħmistax il-Ħadd tas-sena.

pexels/alina zahorulko: the healing power of care.

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Il-preċetti tal-Mulej dritti, u jferrħu l-qalb.

  1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

F’dak iż-żmien, iqum wieħed għaref fil-Liġi u, biex iġarrab lil Ġesù, staqsieh: “Mgħallem, x’nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?”. Qallu Ġesù: “Fil-Liġi x’hemm miktub? Inti x’taqra fiha?”. U dak wieġeb: “Int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, u b’moħħok kollu, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek”.
Qallu Ġesù: “Sewwa weġibt; agħmel hekk u tgħix”. Iżda dak, biex juri li kellu raġun, qal lil Ġesù: “U l-proxxmu tiegħi min hu?”. U Ġesù raġa’ qabad jgħidlu: “Wieħed raġel kien nieżel Ġeriko minn Ġerusalemm, u waqa’ f’idejn il-ħallelin; dawn neżżgħuh, biċċruh bis-swat u telqu, u ħallewh nofsu mejjet. Inzerta kien nieżel qassis minn dik it-triq u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer. Hekk ukoll wieħed levita, meta wasal hemm u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer. Imma kien għaddej minn hemm wieħed Samaritan, wasal ħdejh, rah u tħassru. Resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi biż-żejt u l-inbid u rabathomlu, u mbagħad tellgħu fuq il-bhima tiegħu, wasslu f’lukanda u ħa ħsiebu. L-għada ħareġ biċċtejn flus, tahom lil tal-lukanda u qallu: “Ħu ħsiebu; jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, irroddhielek jien meta nerġa’ ngħaddi”. Minn dawn it-tlieta, int min jidhirlek li ġieb ruħu ta’ proxxmu ma’ dak li waqa’ f’idejn il-ħallelin?”. “Min ħenn għalih”, wieġbu dak. Qallu Ġesù: “Mur, u agħmel hekk int ukoll”. Lq 10:25-37.

pexels/noellegracephotos: don’t live out of fear.

i. “Mgħallem, x’nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?”… Qallu Ġesù: “Sewwa weġibt; agħmel hekk u tgħix”.

X’ser jiġri minni?
Se nsalva? Se nkun kuntent?
Se ngawdi? Kif nagħmel biex niret?

Ir-risposta, jew aħjar il-mistoqsija ta’ Ġesù,
issalvani minn ċirku li jifgani:
it-toroq t’Alla jiftħu, jagħtu nifs?

Ħobb, iftaħ iċ-ċirku,
lejn Alla, lejn l-oħrajn:
Iftaħ … u tgħix! Minn issa.

Irrifletti:
Fejn maqbud fija nnifsi?

pexels/george desipris: live out of wisdom and love.

ii. “U l-proxxmu tiegħi min hu?” … “int min jidhirlek li ġieb ruħu ta’ proxxmu ma’ dak li waqa’ f’idejn il-ħallelin?”

Fil-verità nibża nħobb.
Aħjar inpoġġi limitu!
Żgur li mhux kull persuna hija proxxmu.

Ġesù ifejjaq bi storja u mistoqsija.
Hemm kapaċità fil-bniedem li jersaq qrib
li jġib ruħu ta’ proxxmu.
Li jagħti każ:
qawwa li tilliberana..

Irrifletti:
Fejn ġibt ruħek ta’ proxxmu? Min ġab ruħu ta’ proxxmu miegħek? X’ħassejt?

pexels/karolina grabowska: closeness.

iii. “Min ħenn għalih”, wieġbu dak. [wasal ħdejh, rah u tħassru. Resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi biż-żejt u l-inbid u rabathomlu, u mbagħad tellgħu fuq il-bhima tiegħu, wasslu f’lukanda u ħa ħsiebu. L-għada ħareġ biċċtejn flus, tahom lil tal-lukanda u qallu: “Ħu ħsiebu; jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, irroddhielek jien meta nerġa’ ngħaddi”]
Qallu Ġesù: “Mur, u agħmel hekk int ukoll”.

“Mur, int ukoll, u ħenn!”
Ara: ta’ madwarek jixtiequ li xi ħadd jarahom tassew.
Tħassar: ħalli lil qalbek tintmess mir-realtà tal-persuni.
Ersaq lejn: tibqax il-bogħod, żerzaq kelma, ibni pont.
Dewwi: kelma jew ġest tiegħek jistgħu ikunu balzmu għal min muġugħ.
Ħu ħsieb il-persuni: titlaqhomx għal rashom, sib min jista’ jgħinhom.
Erġa għaddi: offri tama, ibni ħbiberija.

Irrifletti:

Kif mistieden turi ħniena?

  1. Missierna

Comments are closed.