
Xejn jew kollox?
Niċċelebraw l-Evanġelju tas-sbatax il-Ħadd tas-sena.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Meta sejjaħtlek, int weġibtni, Mulej.
- Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Darba Ġesù kien qiegħed xi mkien jitlob. Kif spiċċa mit-talb, wieħed mid-dixxipli tiegħu qallu: “Mulej, għallimna nitolbu, bħalma Ġwanni wkoll għallem lid-dixxipli tiegħu”. U qalilhom: “Meta titolbu, għidu:
‘Missier, jitqaddes ismek, tiġi Saltnatek.
Ħobżna ta’ kuljum agħtina kuljum.
U aħfrilna dnubietna,
għax aħna wkoll naħfru lil kull min hu ħati għalina,
u la ddaħħalniex fit-tiġrib’”.
Qalilhom ukoll: “Wieħed minnkom ikollu ħabib li jiġih f’nofs ta’ lejl u jgħidlu: ‘Ħabib, islifni tliet ħobżiet, għax ġie għandi wieħed ħabib tiegħi mill-vjaġġ u ma għandix x’nagħtih’. U l-ieħor iwieġbu minn ġewwa u jgħidlu: ‘Iddejjaqnix; issa l-bieb magħluq, u wliedi qegħdin fis-sodda miegħi; ma nistax inqum nagħtik’. Ngħidilkom jien, li jekk ma jqumx jagħtih għax ħabib tiegħu, iqum u jagħtih kulma jkollu bżonn minħabba l-wiċċ sfiq tiegħu. U jiena ngħidilkom: Itolbu u jingħatalkom, fittxu u ssibu, ħabbtu u jiftħulkom. Għax min jitlob, jaqla’; min ifittex, isib; u min iħabbat, jiftħulu.
Min hu dak il-missier fostkom li, jekk ibnu jitolbu ħuta, minflok ħuta jagħtih serp? Inkella jekk jitolbu bajda jagħtih skorpjun? Mela jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!”. Lq 11:1-13.

pexels/cottonbro: standing before the mystery.
i. Darba Ġesù kien qiegħed xi mkien jitlob. Kif spiċċa mit-talb, wieħed mid-dixxipli tiegħu qallu: “Mulej, għallimna nitolbu…”
Jidher wieqaf – xejn eċċitanti
jidher ma jagħmel xejn – ħela ta’ ħin
donnu jindirizza x-xejn – waħdu.
Imma d-dixxipli jistennewh jispiċċa:
jilmħu is-sigriet ta’ kollox
u jitolbu li jidħlu hemm.
Irrifletti:
Kif tħares lejh it-talb?

pexels/tatianasyrikova: trusting the mystery.
ii. U qalilhom: “Meta titolbu, għidu: ‘Missier …”
Ma tahomx xi teknika partikulari,
iżda introduċihom!
F’dak il-ħin fejn tħoss li m’hu qed tagħmel xejn
u ma jidher xejn
ieqaf quddiem Dak li hu kollox
intelaq b’fiduċja f’idejn dak li hu Missier
infetaħ għal dak li jibdel kollox:
l-istil, l-atteġġjamenti, il-prijoritajiet ta’ ħajtek.
Irrifletti:
Lil min tindirizza fit-talb?

pexels/alexandre saraiva carniato: unlocking the mystery.
iii. U jiena ngħidilkom: Itolbu u jingħatalkom, fittxu u ssibu, ħabbtu u jiftħulkom. Għax min jitlob, jaqla’; min ifittex, isib; u min iħabbat, jiftħulu.
Kemm drabi nitlob b’qalbi diġà maqtugħa
bħallikieku kollox għalxejn
b’sens ta’ rassenjazzjoni
quddiem realtajiet tant iebsa.
Ġesù mhux hekk:
kemm jekk qed jitlob fil-kwiet,
fil-bidu ta’ jum ta’ ħidma;
kemm jekk qed jitlob qalb l-għajat
fit-tmiem ta’ ħajtu b’ingratitudni vjolenti
jitlob b’konvinzjoni assoluta –
“min jitlob jaqla’, min ifittex isib, min iħabbat jiftħulu” –
għax jaf ma’ min qed jitkellem:
“Missier f’idejk jien nerħi ruħi” (Lk 23, 46).
Irrifletti:
Kif titlob? Għal min titlob?
- Missierna