
Perspettiva.
Niċċelebraw l-Evanġelju tat-tmintax il-Ħadd.

pexels/pixabay: there’s more to life.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Mulej, int kont għalina kenn minn nisel għal nisel.
- Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
F’dak iż-żmien, xi ħadd mill-folla qal lil Ġesù: “Mgħallem, għid lil ħija jaqsam il-wirt miegħi”. Wieġbu Ġesù: “Ħabib, min qegħedni mħallef fuqkom, jew qabbadni nqassmilkom il-ġid bejnietkom?”. Imbagħad qal lin-nies: “Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull regħba, għax imqar jekk wieħed ikollu bir-radam, ħajtu ma tiddependix mill-ġid li jkollu”.
U qalilhom parabbola: “Wieħed raġel għani ġabar kotra ta’ frott mir-raba’ tiegħu. U beda jaħseb u jgħid bejnu u bejn ruħu: ‘X’se nagħmel? Għax dan il-frott kollu ma għandix fejn naħżnu! Ara x’nagħmel’, qal, “inħott l-imħażen li għandi u nibni oħrajn akbar, u naħżen fihom il-qamħ u l-ġid kollu li għandi. Imbagħad ngħid lili nnifsi: Ruħi, għandek ħażna kbira ta’ ġid għal bosta snin; mela strieħ, kul, ixrob, ixxala!’. Iżda qallu Alla: ‘Iblah li int! Dan il-lejl stess jitolbuk ruħek lura. U l-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta’ min ikunu?’. Hekk jiġrilu min jiġma’ l-ġid għalih innifsu bla ma jistagħna quddiem Alla”. Lq 12:13-21.

pexels/pixabay: to give or not to give.
i. Xi ħadd mill-folla qal lil Ġesù: “Mgħallem, għid lil ħija jaqsam il-wirt miegħi”. Wieġbu Ġesù: “Ħabib, min qegħedni mħallef fuqkom, jew qabbadni nqassmilkom il-ġid bejnietkom?”.
Kultant nistennew li l-imħabba tfisser
li jgħidulna iva għall-kollox;
nistennew li Alla juri li jismagħna
billi jagħmel kulma ngħidulu.
Ġesù mhux hekk!
Dak li bih sar kollox u mingħajru ma sar xejn
joqgħod attent li ma nġegħluhx jaqbel magħna
meta l-ġid nagħmluh idolu li jieħu post Alla..
Irrifletti:
Kif tħares lejn il-“Le” ta’ Alla?

pexels/cottonbro: trust is not bought.
ii. Imbagħad qal lin-nies: “Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull regħba, għax imqar jekk wieħed ikollu bir-radam, ħajtu ma tiddependix mill-ġid li jkollu”.
Faċli nilludi ruħi li bil-ġid
se nsib soluzzjoni għal kollox
u kontroll fuq l-inċertezza tal-ħajja.
Imma nsib li r-regħba
tisraqli kwalitajiet essenzjali bħala bniedem:
li nħobb u nkun maħbub
li nagħti u nirċievi
li nafda u nkun ta’min jafdani
mhux nikkontrolla u nimmanipola.
Irrifletti:
B’liema mod sottili l-kilba tista’ tieħu kontroll fuq ħajtek?

pexels/anete lusina: the fragile strength of an artist.
iii. U qalilhom parabbola: “Wieħed raġel għani ġabar kotra ta’ frott mir-raba’ tiegħu. … Dan il-lejl stess jitolbuk ruħek lura. U l-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta’ min ikunu?’. Hekk jiġrilu min jiġma’ l-ġid għalih innifsu bla ma jistagħna quddiem Alla”.
Ġesù ma ġiex fid-dinja bil-qawwa
juża l-forza biex jikkontrolla l-ħajja u lin-nies.
Jiġi fil-fraġilità
ta’ min jirrakkonta stejjer
bla ma għandu kontroll fuqhom
ta’ min isaqsi mistoqsija
bla ma jieħu kontroll ta’ min se jwieġeb
ta; min joffri perspettiva
u jistenna l-kreattività ta’ min jirċeviha.
Hekk il-bniedem quddiem Alla
ma jsibx ruħu manipulat
iżda megħjun joħlom possibilitajiet ġodda.
Għandna bżonn mhux aktar ġid
imma aktar artisti
li jistednuna għal perspettiva ġodda.
Irrifletti:
Min għenek tieħu perspettiva aħjar fuq il-ħajja?
- Missierna