
Gratitudni
Niċċelebraw l-Evanġelju tat-tmienja u għoxrin Ħadd tas-sena.

pexels/jplenio: gratitude.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Il-Mulej għarraf is-salvazzjoni lill-ġnus.
- Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Ġara li huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, Ġesù għadda minn bejn is-Samarija u l-Galilija. Kif kien dieħel f’raħal, iltaqgħu miegħu għaxart irġiel morda bil-lebbra. Waqfu ’l bogħod minnu, għollew leħinhom u qalulu: “Ġesù, mgħallem, ikollok ħniena minna!”. Kif rahom, qalilhom: “Morru uru rwieħkom lill-qassisin”. U ġara li, huma u sejrin, fiequ mill-marda tagħhom. Wieħed minnhom, kif ra ruħu mfejjaq, raġa’ lura jgħajjat u jfaħħar lil Alla, inxteħet wiċċu fl-art f’riġlejn Ġesù u raddlu ħajr. Issa dan kien Samaritan. U Ġesù qabad u qal: “Mhux l-għaxra fiequ mil-lebbra? Fejn huma d-disgħa l-oħra? Ma kien hemm ħadd minnhom li raġa’ lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan il-barrani?”. Imbagħad qallu: “Qum, mur; il-fidi tiegħek salvatek”. Lq 17: 11-19.

pexels/steve: we are all broken … yet some are rejected.
i. Ġara li huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, Ġesù għadda minn bejn is-Samarija u l-Galilija. Kif kien dieħel f’raħal, iltaqgħu miegħu għaxart irġiel morda bil-lebbra.
Ġesù li jġorr il-konsegwenzi tar-rifjut (ara Luqa 9, 51-56)
u jispiċċa ma jistax jidħol is-Samarija,
jagħmilha possibbli li jiltaqa’ ma’ dawk mormija:
dawk li d-dehra tagħhom ma’ tidħolx fil-forma ideali li fassalna
dawk li s-sitwazzjoni tagħhom kumplessa skont il-kriterji tagħna
dawk li ġew impinġija bħala għadu tas-soċjetà.
Irrifletti:
- Min taħseb li jaqa’ fil-kategorija tal-lebbrużi fl-ambjent ta’ madwarek?

pexels/gabriel colta: encouragement.
ii. Waqfu ’l bogħod minnu, għollew leħinhom u qalulu: “Ġesù, mgħallem, ikollok ħniena minna!”. Kif rahom, qalilhom: “Morru uru rwieħkom lill-qassisin”. U ġara li, huma u sejrin, fiequ mill-marda tagħhom.
Ġesù JARAHOM lil dawk li waqfu,
li ipparalizzaw ruħhom, li irtiraw!
JARAHOM lil dawk jesprimu l-iskumdità
ir-rifjut, in-nuqqas ta’ fiduċja,
bl-għajat jew vjolenza.
Ġesù jkellimhom
jiġġenera fiduċja,
jgħinhom jerġgħu jibdew mexjin,
jeħlishom mill-paniku, l-ansjetà, ir-rabja, il-frustrazzjoni
ta’ min irid ir-riżultati mill-ewwel
jiftaħ qalbhom għall-possibilitajiet li jinbtu ftit ftit,
fejqan inti u miexi.
Irrifletti:
- Min huma l-persuni li jiżirgħu fiduċja fl-oħrajn?

pexels/sabbir bhuiyan: joy of recognition.
iii. Wieħed minnhom, kif ra ruħu mfejjaq, raġa’ lura jgħajjat u jfaħħar lil Alla, inxteħet wiċċu fl-art f’riġlejn Ġesù u raddlu ħajr. Issa dan kien Samaritan. U Ġesù qabad u qal: “Mhux l-għaxra fiequ mil-lebbra?
Mhux l-għaxra fiequ?
Mela għaliex ma hemmx ferħ f’qalbhom?
Għaliex baqgħu magħluqa, distanti, ‘l bogħod?
Għaliex baqgħu iħarsu lejn il-ħajja min-nuċċali mtappan?
Għaliex għadna ma skoprejniex il-gratitudni?
Għaliex għadna ma ndunajniex li hemm QALB
u mhux rifjut?
Irrifletti:
- Fejn doqt l-imħabba t’Alla? Permezz ta’ min? Fejn doqt il-ferħ tal-gratitudni?
3. Missierna