Lazzru oħroġ!
Il-Ħames Ħadd tar-Randan (A)
Mument ta’ talb fil-familja bl-Evanġelju tal-Ħadd.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Niftakru fil-kliem ta’ Ġesù: “Fejn tnejn jew tlieta huma miġbura f’ismi hemm jien f’nofshom.” (Mattew 18,20). Ġesù qiegħed f’nofsna.
1. Nisimgħu il-Kelma: mill-Vanġelu skont San Ġwann
“Ġesù ħass ruħu mqanqal għal darb’oħra u resaq lejn il-qabar. Dan kien għar magħluq bi blata fuqu. Ġesù qal: “Neħħu l-blata”. Marta, oħt il-mejjet, qaltlu: “Mulej issa beda jrejjaħ; ġa ilu erbat ijiem mejjet”. Qalilha Ġesù: “Ma għedtlekx li jekk inti temmen, tara l-glorja ta’ Alla?” Imbagħad neħħew il-blata. Ġesù rafa’ għajnejh ’il fuq u qal: “Missier, irroddlok ħajr li smajtni. Kont naf li inti dejjem tismagħni, imma għidt dan minħabba n-nies li hawn madwari, biex huma jemmnu li inti bgħattni”. Kif qal hekk, għajjat b’leħen għoli: “Lażżru, oħroġ!”. U dak li kien mejjet ħareġ, b’idejh u riġlejh infaxxati u b’maktur ma’ wiċċu. Ġesù qalilhom: “Ħollulu l-faxex u ħalluh imur”.
Ħafna mil-Lhud, li kienu ġew għand Marija u raw dak li għamel Ġesù, emmnu fih.”
2. Talba: “Lazzru oħroġ”
Mulej Ġesù, il-Kelma tiegħek dejjem tissorprendina. Tgħid lil Lazzru joħroġ meta kulħadd qed jgħidilna noqogħdu ġewwa. Noqogħdu ġewwa biex nieħdu ħsieb il-ħajja. Imma għalina qisha mewt li noqogħdu ġewwa, li ma nistgħux noħorġu.
- Liema huma l-postijiet li jiddispjaċik li ma tistax iżżur bħalissa? Liema persuni? Liema attivitajiet?
Imma l-Kelma tiegħek għandha qawwa lil hemm mill-blata tal-qabar. Lazzru ħareġ. U anke aħna. F’dan iż-żmien iebes fejn magħluqa ġewwa, qed joħorġu affarijiet li kien ilhom midfuna, minsija, mormija.
- Xi board game jew film
- Il-ħin flimkien
- Nies li kien ielna ma nċemplulhom jew niktbulhom
- Stejjer li għidna u li ftakarna
- Is-sens li ilkoll marbuta flimkien u għandna bżonn lil xulxin
- Is-solidarjetà u l-kuntatt uman
- Il-kobor ta’ qalb li tagħti każ u tħares lil oħrajn
- Il-ħidma tat-tobba, nurses, kaxxiera fis-supermarket, dawk li jiġbru l-iskart …
- Il-valur tat-talb, il-fiduċja f’Alla (Alla wieħed hemm)
- Il-konsolazzjoni li tagħti l-Kelma t’Alla
- Il-Knisja, il-komunità nisranija…
3. Agħmlu lista ta’ 3 affarijiet li skoprejtu f’dan iż-żmien. 3 affarijiet li jagħtu kwalità lill-ħajja. Irringrazzjaw lil Alla
4. Missierna li inti fis-smewwiet…
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.