Riekeb fuq ħmar
Ħadd il-Palm
Mument ta’ talb fil-familja bl-Evanġelju tal-Ħadd.
Preparazzjoni:
Ilbes xi ħaġa għal qalbek; ipprepara l-post għat-talb: xemgħa, pjanta, salib.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Niftakru fil-kliem ta’ Ġesù: “Fejn tnejn jew tlieta huma miġbura f’ismi hemm jien f’nofshom.” (Mattew 18,20). Ġesù qiegħed f’nofsna.
1. Nisimgħu il-Kelma: mill-Vanġelu skont San Mattew
Xħin waslu qrib Ġerusalemm u ġew quddiem Betfaġe lejn l-Għolja taż-Żebbuġ, Ġesù bagħat żewġ dixxipli u qalilhom: “Aslu sar-raħal biswitkom; u minnufih issibu ħmara marbuta u felu ħdejha; ħolluhom u ġibuhomli. …
Dan ġara biex iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta, meta qal: “Għidu lil bint Sijon: ‘Ara, is-Sultan tiegħek ġej għandek, ġwejjed, riekeb fuq ħmara u fuq felu, ferħ ta’ bhima tat-tagħbija.’” …
Għadd kbir ta’ nies firxu l-imnatar tagħhom fit-triq, waqt li oħrajn qatgħu xi friegħi mis-siġar u ferrxuhom mat-triq.
2. Talba: “Riekeb fuq ħmara”
Mulej Ġesù
int ma tidħolx fil-belt tipprova timita is-saħħa tar-Rumani,
fuq żiemel fil-għoli u b’armamenti li jbeżżgħu.
Ma tibżax tidħol bis-sistema tal-valuri tiegħek,
b’umiltà u mħabba kuraġġuża, perseveranti.
Ma tibżax tkun dak li int.
- Innota u apprezza kif Ġesù daħal fil-ħajja tiegħek fis-sempliċità:
• Persuni li huma umli iżda pilastru: fil-familja, ħbieb, parroċċa, xogħol …
• Xi ktieb tajjeb jew parir li irċevejt li tak direzzjoni - Liema huma l-persuni li f’dan iż-żmien tal-Corona Virus bdejna napprezzaw? Innota u apprezza kif qabel, diġa kien ilhom jaħdmu fis-skiet u fil-moħbi.
Ara, s-Sultan ġej għandek …
għadd kbir ta’ nies firxu l-imnatar tagħhom fit-triq
Mulej nixtieq li l-ilbies li nilbes,
Dak li permezz tiegħu nesprimi id-dinjità tiegħi,
Ikun immarkat bil-valuri tiegħek,
Jirrifletti is-sbuħija tal-imħabba umli tiegħek:
- Perseveranza: meta l-impenn tiegħi inħossu tqil u nkun se narmi kollox;
- Kuraġġ: biex ma nibżax nimxi mal-valuri tiegħi meta nkun se ninġarr mill-aspettattivi ta’ min iridni kopja tiegħu, min irid ibiegħli kollox, min irid iwaqqa’ d-dinjità tiegħi;
- Libertà: biex bħala familja ma nibżgħux nieħdu d-deċiżjonijiet adatti għal-limitazzjonijiet tagħna u mhux nitgħabbew b’piżijiet li nistgħu ngħaddu mingħajrhom.
3. Missierna li inti fis-smewwiet…
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.