“Min …” – perspettiva ġdida fuq il-ħajja
Mument ta’ talb: It-Tlettax-il Ħadd Matul is-Sena A
Niċċelebraw il-Vanġelu fin-normalità
Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, biċċa drapp aħdar
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Nieqfu ftit u nindunaw li għandna bżonn ta’ Alla
Alla, Alla tiegħi int,
lilek ħerqan infittex,
ruħi bil-għatx għalik,
għalik imxennaq jiena,
bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew (Mt 10, 37-42)
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-appostli tiegħu: “Min iħobb lil missieru jew lil ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi; min iħobb lil ibnu jew lil bintu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun tiegħi. U min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistħoqqlux li jkun miegħi.
Min isib lil ħajtu, jitlifha; u min jitlef lil ħajtu minħabba fija jsibha. Min jilqa’ lilkom jilqa’ lili, u min jilqa’ lili jkun jilqa’ lil dak li bagħatni. Min jilqa’ profeta għax hu profeta, ħlas ta’ profeta jieħu; u min jilqa’ bniedem ġust għax hu ġust, ħlas ta’ wieħed ġust jieħu. U kull min jagħti mqar tazza ilma frisk lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax hu dixxiplu, tassew ngħidilkom li ma jitlifx il-ħlas tiegħu”.
Riflessjoni u talba:
Kliem eżiġenti ħafna. Nafu b’kumpaniji li jagħmluha ċara ħafna x’jistennew mill-applikanti u l-impjegati tagħhom: “Min japplika għandu jkollu dawn il-kwalifiċi, ikun kapaċi jaħdem f’tim …” Minn min ser jagħmlilhom ix-xogħol jistennew ċertu kwalitajiet.
Imma l-kliem ta’ Ġesù huwa fuq livell ieħor. Mhux qed ifittex min jaħdimlu! Pjuttost qed jurina x’jaħdem fil-ħajja u x’ma jaħdimx!.X’imexxik bħala persuna? It-tweġiba mhix newtrali. Hemm ħajtek fin-nofs. Kif ma nasalx fl-aħħar u nsibni ngħid “ħlejt ħajti!”? Kif nagħmel biex ma nkunx ħlejt ħajti?
Ġesù jgħidlek: “Billi taħliha!” Stramba.
MIN iħobb lil ommu, missieru, ibnu, bintu … IŻJED MINNI … ma jistħoqqlux li jkun miegħi.
Kollox jgħidli li jekk ma rridx naħli ħajti, aħjar nieħu ħsieb lil dawk li nista’ nieħu xi ħaġa mingħandhom (l-ġenituri) u nara li nħalli isem warajja (ninvesti f’uliedi).
Però x’jiġri jekk isiru “alla” tiegħi flok Alla? Jekk is-sigurtà tkun fihom? Jekk il-prinċipji tiegħi ibbażati skont x’jogħġob lilhom?
- Meta wieħed inħobbu lill-ġenituri IŻJED minn Ġesù għax naħsbu li s-sigurtà minnhom, dawk il-ġenituri stess narmuhom f’ġemb meta narawhom piż;
- Meta l-ulied inħobbuhom daqs li kieku allat żgħar għax il-valur tagħna jiddependi mis-suċċess tagħhom, minn fejn se nsibu l-għerf biex nikkoreġuhom meta fl-iżball? minn fejn ser insibu s-saħħa biex inħobbhom meta jitfaċċa l-mard jew ikunu għamlu għażliet li ġabu mistħija fuq il-familja kollha?
Niċċelebraw
- il-ħajja ta’ tant ġenituri u ulied li għax għarfu jħobbu lil Ġesù iżjed minn kollox, jagħtu gwida soda fil-pariri u spazju għal-libertà; isostnu lill-membri tal-familja li għaddejjin minn żmien diffiċli.Il-biża’ jista’ jwassalna biex niġu dipendenti fuq x’jaħsbu l-oħrajn. Imexxuna l-valuri u d-deċiżjonijiet tagħhom.
MIN ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistħoqqlux li jkun miegħi
Inħossni aktar fiż-żgur jekk ikolli l-kontroll f’idejja. (But if God is your co-pilot, change seats!)
Inħossni aktar fiż-żgur jekk “nevita l-inkwiet”. Ġesù jgħidlek “Jekk ma tridx tibqa’ spettatur tal-ħajja, timmoffa fis-sigurtà tal-għeluq, ejja warajja, idħol fl-inkwiet li kull imħabba iġġib magħha.” Kif tgħid Madre Teresa: “Where there is no love, put love and you will find love”. Imma biex tidħol fejn mhemmx imħabba ħalli tpoġġi l-imħabba jitlob sforz. Biex taħdem ma’ Kristu ħalli ġġib il-ġustizzja fejn mhemmx, mhux la kemm tgħid. Kif tgħid kanzunetta miktuba ad unur l-isqof maqtul Oscar Romero:
Many of us seek a god of the pocketbook
A god who fits in with our idols
A god who is content with what we pay our workers
A god who approves our abusive crimes.
- Aħseb ftit fuq xi sitwazzjoni importanti f’ħajtek: familja, studju, relazzjoni, xogħol. Liema hi l-isfida prinċipali li tara? Xi tfisser terfa’ s-salib u timxi wara Kristu biex ma tkunx passiv iżda kreattiv fl-imħabba tiegħek?
MIN isib lil ħajtu, jitlifha; u min jitlef lil ħajtu minħabba fija jsibha
Jekk iffukat fuqi innifsi – fuq self-fulfillment, self-help, ż-żokra -qisni xemgħa li tagħlaq lilha nnifisha f’bozza biex mingħaliha tippreżerva lilha innifisha. Fil-verità tkun qed “taqta’ nifisha”.
Is-sigriet tal-ħajja huwa mod ieħor.
“Min ifittex l-interessi tiegħu, il-vantaġġ spiritwali jew materjali tiegħu, jitlef ħajtu. Min ifittex it-tajjeb, l-interess, il-vantaġġ ta’ Alla, isalva” (Charles de Foucauld).
- X’qed jitlob minnek Alla bħalissa?
MIN jilqa’ profeta għax hu profeta, ħlas ta’ profeta jieħu;
u min jilqa’ bniedem ġust għax hu ġust, ħlas ta’ wieħed ġust jieħu.
Kollox jgħidlek li min jaħtaf jirnexxi!
Ġesù jgħidlek li, fl-aħħar mill-aħħar, minn din d-dinja stess, min jilqa’ mhux min jaħtaf ikollu l-ħlas li jirrendi.
Hemm min qatt ma jikkuntenta ruħu b’xejn. Għaliex? Għax taħt l-attitudni li taħtaf, hemm l-idea falza li jien ikolli s-sigurtà jekk ikolli l-kontroll tar-realtà f’idejja; jekk r-realtà tadatta ruħha għall-aspettativi tiegħi. Imma din illużjoni.
Min jibdel il-perspettiva jiskopri l-ħajja. Jinfetaħ għas-sorpriżi.
Ġesù ma jgħidlekx tilqa’ kollox, iżda tilqa’ b’intelliġenza.
Fittex li tilqa’ profeti – dawk li jwasslu l-vuċi t’Alla.
Jekk ikollok qalb attenta għall-vuċi t’Alla tissorprendi ruħek bit-tajjeb li hemm madwarek: kull ħlejqa tgħaddi kwalità ta’ Alla; f’kull persuna kapaċi tiskopri xi ħaġa ġdida (ħafna drabi narmu lil oħrajn għax ma jidħlux fil-kaxxa li fassalna aħna).
Fittex li tilqa’ lil min hu ġust għax hu ġust, tajjeb.
Kultant nieqfu biss fuq d-difetti. Kultant t-tajjeb u l-ħażin, il-ġustizzja u l-inġustizzja nittrattawhom xorta. Ġesù jgħidilna li meta nfittxu li nilqgħu t-tajjeb li hemm fina u fl-oħrajn, dak it-tajjeb jitkattar.
Niċċelebraw
- Il-mumenti fejn fil-familja fraħna bit-tajjeb ta’ xulxin
- Fejn bħala ħbieb irbaħna l-għira li tkisser kwalità sabiħa f’ħaddiehor
- Kumpaniji u parroċċi li matul iż-żmien tal-COVID ħadu ħsieb il-ħaddiema tagħhom u ħadu inizjattiva biex jgħinu diversi familji li għandhom bżonn ikla.
U kull MIN jagħti mqar tazza ilma frisk lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax hu dixxiplu, tassew ngħidilkom li ma jitlifx il-ħlas tiegħu”
Min qed jagħmel t-tajjeb faċli jgħijja meta madwaru jara indifferenza, l-kurrent bil-kontra, nixfa ta’ valuri, prinċipji jintilfu, kollegi jinġarru biex ifittxu l-interess tagħhom biss…
Niċċelebraw
- Dawk il-persuni li jagħtu “tazza ilma friska” lil min ikun qed jaqta’ qalbu huwa u jagħmel t-tajjeb: permezz ta’ kelma ta’ inkuraġġiment; suġġeriment kostruttiv; like/comment/share fuq facebook; tbissima; ittra lil membru parlamentari; daqqa t’id…
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, għal dejjem ta’ dejjem.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.