Issibu mistrieħ għal ruħkom

Issibu mistrieħ għal ruħkom

Mument ta’ talb: L-Erbatax-il Ħadd Matul is-Sena A


Niċċelebraw il-Vanġelu fin-normalità: mistrieħ

Preparazzjoni:

Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, simbolu taż-żmien ta’ mistrieħ


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Nistrieħu f’Alla bħal tarbija f’ħoġor ommha:

Mulej, ma tkabbritx qalbi,
anqas ma ntrefgħu għajnejja;
jien ma ġrejtx wara ħwejjeġ kbar,
jew wara ħwejjeġ ogħla minni.
Imma żammejt ruħi fis-skiet u l-mistrieħ,
bħal tarbija f’ħoġor ommha;
bħal tarbija miftuma,
hekk hi ruħi ġewwa fija.
Ittama, Iżrael, fil-Mulej, minn issa u għal dejjem!
(Salm 131)

family photo

L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew (Mt 11, 25-30)

F’dak iż-żmien Ġesù qabad u qal: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok. Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf lill-Iben jekk mhux il-Missier, kif ħadd ma jagħraf lill-Missier jekk mhux l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu.

Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif”.


Riflessjoni u talba:



Aktar mis-soltu nixtiequ ftit żmien ta’ mistrieħ.

Ġejna wkoll konxji tal-valur li jkollna ritmu aktar bilanċjat.

Meta l-President ta’ Franza staqsa kif jistgħu jibnu soċjetà aħjar wara l-COVID, il-ħarsien ta’ ġurnata ta’ mistrieħ għas-soċjetà kollha kien wieħed mis-suġġerimenti.

Il-Vanġelu x’dawl jagħtina?

Ma jitkellimx biss fuq mistrieħ għall-ġisem iżda mistrieħ b’mod sħiħ, mistrieħ li jagħmlek bniedem ġdid: “issibu mistrieħ għal ruħkom” (re-creation).

Jistedinna nidħlu fl-esperjenza tiegħu.

X’dawl jagħtina dan il-Vanġelu fuq kif niċċelebraw il-jum tal-Ħadd – jum il-Mulej li jgħidilna “idħlu fil-mistrieħ tiegħi … issibu mistrieħ għal ruħkom”.

“Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin.”

Il-Jum tal-Ħadd biex inħares lura u nifraħ bit-tajjeb.

Ġesù seta’ jeħel u jaqta’ qalbu meta ra li “min jifhem” ma fehmux!

Iżda Ġesù jiċċelebra s-sorpriżi fil-ħidma tiegħu: n-nies li fehmuh anke jekk meqjusin “xejn”, “ċkejkna” fis-soċjetà.

  • Ħares ftit lejn din il-ġimgħa xogħol (jew sena skolastika jekk edukatur/student): X’inhu t-tajjeb li tixtieq tiċċelebra? Xi jferrħek? Fejn tara pass ‘l quddiem?
  • F’dawn ix-xhur kellna ħafna limitazzjonijiet … sirna “ċkejknin”. X’inhuma s-sorpriżi li iltqajt magħhom f’dan iż-żmien? Tgħid Ġesù kien jifraħ b’dak li fhimna ftit iżjed?
    • Mumenti fejn erġajna waqafna nammiraw is-sbuħija tan-natura u tal-pajsaġġ Malti, u fhimna l-valur li nipproteġuh;
    • It-tfal u l-adulti li ferħu b’aktar ħin flimkien biex jistgħu jilagħbu ftit bil-kalma;
    • L-apprezzament ta’ kif ċertu nies “moħbija” tawna servizz sabiħ bla ħafna daqq ta’ trombi: tindif tat-toroq/ġbir taż-żibel; nies li jaħdmu fis-supermarkets; nies li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa; barranin u maltin li ingħalqu fid-djar tal-anzjani u assiguraw d-dinjità tal-persuna umana;
    • Apprezzament tal-valur li jkollna ritmu aktar bilanċjat;
    • L-għarfien li l-għożża tar-relazzjonijiet għandha valur fit-tul f’kuntrast mat-tfittxija eżaġerata għall-pjaċir li jgħaddi;
    • Il-potenzjal li hemm meta ninsġu komunità li ssostni lil xulxin;
    • Filwaqt li ġejna konxji kemm aħna fraġli, għarafna li dak li ħalaqna għax iħobbna mhux sejjer ma jieħux ħsiebna.

Ħadd ma jagħraf lill-Missier jekk mhux l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu

Filwaqt li kienu qed jingħalqu ħafna possibilitajiet, xi ħadd qal: “kulma baqagħlna huma r-relazzjonijiet”. Il-ġurnata tal-Ħadd – ġurnata tal-mistrieħ – issir ukoll l-ġurnata fejn niċċelebraw b’mod speċjali r-relazzjonijiet. Ġesù jiċċelebra l-fatt li kollox fil-ħajja hu rigal, kollox qiegħed f’kuntest ta’ mħabba (relazzjoni bejn Missier u Iben fejn hemm imħabba ġenwina). L-emfasi hija fuq fiduċja u għarfien tal-persuni li jieħdu ħsieb xulxin.

Il-Jum tal-Ħadd huwa jum fejn niċċelebraw il-mumenti fejn issaħħet il-fiduċja u r-relazzjoni

  • meta bħala koppja, familja, ħbieb qsamna aktar flimkien dak li kien għaddej fina;
  • mumenti fejn l-ulied u l-ġenituri fehmu aktar lil xulxin;
  • fejn waqafna ftit biex napprezzaw kwalità fil-persuna l-oħra li ma konniex innutajna qabel;
  • eżempji sbieħ minn xi ħadd minn sħabna u li għamlulna kuraġġ;
  • mument fejn għaraft li r-relazzjoni m’Alla hija kollox.

Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom

Ir-reliġjon ta’ żmien Ġesù (u tiġri wkoll fi żmienna!) kienet qed tispiċċa lista ta’ regoli li trid tobdi. Reliġjon li twassal lin-nies biex iħossuhom “imħabbta u mtaqqla”. Ġesù bidel ir-reliġjon fi mħabba, f’libertà, f’ħajja iġġenerata minn qalb “ħelwa u umli”. Mhux riġidità tar-regoli, mhux rabja li tinbidel f’aggressività quddiem il-limitazzjonijiet tagħna u ta’ ħaddieħor, mhux qtiegħ il-qalb u bla boxxla.

Min iltaqa’ ma’ Ġesù sab li l-interessi tiegħu twessgħu lil hemm mill-interess personali iżda fl-istess ħin sab “piż ħafif”. Iktar eżiġenti u eħfef fl-istess ħin! Mhux liġi u kontroll iżda passjoni u impenn. L-imħabba, il-libertà tal-qalb “ħelwa u umli” tasal iżjed quddiem l-isfidi tal-ħajja. L-imħabba bħall-ilma: meta tiltaqa’ ma ostaklu taf tiftaħ triq ġdida.

Niċċelebraw

  • il-quddiesa tal-Ħadd mhux bħala “obbligu” iżda bħala gratitudni, ferħ fil-presenza ta’ min iħobbna;
  • l-fatt li ċ-ċokon tagħna qed f’idejn l-Missier “li jgħolli ċ-ċkejknin”

Nitolbu li nersqu lejn dawk li

  • imtaqqla b’responsabbiltajiet kbar
  • dawk li mkissra b’sens ta’ ħtija u mistħija quddiem il-falliment jew id-dnub tagħhom
  • dawk maqbuda fil-morsa tal-faqar

nersqu lejhom b’rispett, djalogu, fiduċja, umiltà u ġentilezza, ħalli jħossuhom mifhuma u jsibu l-mistrieħ għal ruħhom.


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, għal dejjem ta’ dejjem.

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Ammen

Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.