Tempju
Niċċelebraw l-Evanġelju tat-tielet Ħadd tar-Randan
Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Nidħol fil-presenza ta’ Alla b’dan il-kliem:
Mulej, int għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem (Ġwanni 6, 68)
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann
Kien qorob l-Għid tal-Lhud, u Ġesù tela’ Ġerusalemm. Fit-tempju sab min qiegħed ibigħ barrin, nagħaġ u ħamiem, u min kien bilqiegħda jsarraf il-flus. Għamel sawt mill-ħbula, u keċċiehom ilkoll ’il barra mit-tempju, bin-nagħaġ u l-barrin tagħhom; xerred il-flus ta’ dawk li kien jsarrfu, u qalbilhom l-imwejjed. U lill-bejjiegħa tal-ħamiem qalilhom: “Warrbu dawn minn hawn, u dar Missieri tagħmluhiex dar tan-negozju!”. Id-dixxipli ftakru f’dak li kien hemm miktub fl-Iskrittura: “Il-ħeġġa għal darek fnietni”.
Imbagħad il-Lhud qabdu u qalulu: “X’sinjal se turina li inti tista’ tagħmel dan?”. Ġesù weġibhom: “Ħottu dan it-tempju, u fi tlitt ijiem jien nerġa’ ntellgħu”. Għalhekk il-Lhud qalulu: “Dan it-tempju ħa sitta u erbgħin sena biex inbena, u int se ttellgħu fi tlitt ijiem?”.
Iżda hu tkellem fuq it-tempju tal-ġisem tiegħu. Meta mbagħad qam mill-imwiet, id-dixxipli tiegħu ftakru f’dak li kien qal, u emmnu fl-Iskrittura u fil-kliem li kien qal Ġesù. Waqt li kien Ġerusalemm għall-festa tal-Għid, kien hemm ħafna li emmnu f’ismu billi raw is-sinjali li kien jagħmel. Imma Ġesù, min-naħa tiegħu, ma kienx jafda fihom, għax hu kien jaf lil kulħadd u ma kellux bżonn min jagħtih xhieda fuq il-bniedem, għax hu stess kien jaf x’hemm fil-bniedem.
(Ġwanni 2, 13-25)
Riflessjoni u talba:
i. “dar Missieri tagħmluhiex dar tan-negozju!”
Jekk titlef l-essenzjal titlef kollox!
Ħadu 46 sena jibnu t-tempju, simbolu tad-dar fejn jgħammar Alla – dak li Ġesù urieh bħala “Missierna”, U aħna nibdluh f’dar tan-negozju.
Il-post fejn tapprezza kollox bħala rigal, fejn ħadd ma juża lil ħadd, fejn hemm qsim ta’ ħajja u trasparenza isir il-post tal-kalkolu, fejn ninnegozja kollox biex nara x’ser nakkwista. Flok id-dar fejn nista’ insib il-libertà u nimxi ħafi, insib post fejn kulħadd jilbes il-korazza u jaħbi s-sejf wara dahru.
Meta r-ruħ tal-bniedem tinħakem b’dan il-mod, bil-mod il-mod, ir-relazzjonijiet, il-ħbiberiji, iż-żwieġ … jinbidlu fi ġlieda ta’ min ser jaħkem
fuq min … kif se nieħu l-vantaġġ u niġbed lejja. L-ulied minflok rigal afdat f’idejna ngħabbuhom bil-piż tal-ambizzjoni tagħna.
Il-komunità nisranija tinbidel f’indifferenza jew ġlieda għall-prestiġju jew poter. Ir-relazzjoni m’Alla flok spazju ta’ adorazzjoni u fiduċja profonda, issir logħba biex forsi nixtrih! U sadanittant dejjem anzjuż għax naħseb li mormi.
Irrifletti:
- Ġesù idur lejn qalbna u jgħid: “dar Missieri tagħmluhiex dar tan-negozju”. Minn x’hiex taħseb li jrid jeħilsek?
ii. “Il-ħeġġa għal darek fnietni”
Għal Ġesù mhux kollox jgħaddi. Hemm ċertu prinċipji li jekk titlifhom, titlef l-umanità. Ġesù mhux xi bniedem mitluq, jew qasba tixxejjer mar-riħ, bla gost. Għandu passjoni, ħeġġa, interess, impenn, perseveranza; ma jgħijiex, ma jaqtax qalbu, “ma jitfarrakx, sakemm ma jwaqqafx il-ġustizzja fuq l-art”
(Iżaija 42, 4).
Inħallih jispirani fil-ħeġġa ta’ ċertu persuni biex ineħħu l-preġudizzju u l-inugwaljanza, l-inġustizzja u l-firda; dawk li jaħdmu għall-paċi bla ma jaqtgħu qalbhom … anke meta mdawwrin b’min interessat li jiżra’ l-firda biex ikollu l-poter; f’tant persuni li jibqgħu kreattivi biex jagħtu edukazzjoni tajba; f’tant ġenituri li jivvintaw ġesti sempliċi biex jilħqu
wild li ingħalaq, inqata’, qed f’dalma.
Irrifletti
- Fejn tixtieq ħeġġa ġdida f’ħajtek?
iii. “Ħottu dan it-tempju, u fi tlitt ijiem jien nerġa’ ntellgħu”
Xi sproporzjon! 46 sena ma’ tliet ijiem!
Min jaf x’investiment ta’ flus għall-bini bħal dak.
X’diżastru jekk jaqa’! Jiswa tant flus.
Oscar Wilde qal li l-bniedem ċiniku jaf il-prezz ta’ kollox imma mhux il-valur: “a man who knows the price of everything and the value of nothing”.
Ġesù mhux hekk. Jillibera minn dak li hu frivolu, Wara tliet ijiem (mill-qtil tiegħu), id-dixxipli bdew jagħarfu dak li jiswa’ tassew dak li jċaqlaq kollox
fejn għandhom jinvestu ħajjithom.
Hemm dawk li jagħmlu ħafna ħoss imma meta tagħsar x’issib?
Il-valur veru ta’ persuna huwa dak li joħroġ wara “dawk it-tliet ijiem”.
Ikkontempla:
- X’imexxik? Dak li hu grandjuż u jagħmel ħoss? Jew l-Ispirtu li se jibqa’ wara tliet ijiem? Fi kliem ieħor, il-mewt jew il-qawmien?
St. Francis
Lord, make us walk in your way;
Where there is love and wisdom, there is neither fear nor ignorance;
Where there is patience and humility, there is neither anger nor annoyance;
Where there is poverty and joy, there is neither greed nor ambiguity;
Where there is peace and true prayer, there is neither care or restlessness;
Where there is the fear of God t guard the heart, there no enemy can enter;
Where there is mercy and prudence, there is neither excess nor harshness;
This we know through the example of him who laid down his life for us,
Your Son, Jesus Christ our Lord.
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, għal dejjem ta’ dejjem.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.