Tiżvojtja biex tagħti l-frott.
Niċċelebraw l-Evanġelju tal-5 Ħadd tal-Għid
Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Nidħol fil-presenza ta’ Alla b’sens ta’ tifħir:
Ifaħħru l-Mulej dawk li jfittxuh.
Ħa tgħix qalbhom għal dejjem
(Salm 21)
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jiena d-dielja vera u Missieri l-bidwi. Kull fergħa fija li ma tagħmilx frott jaqtagħha; u kull waħda li tagħmel il-frott jiżborha u jnaddafha, biex tagħmel frott aktar. Intom ġa ndaf minħabba l-kelma li għedtilkom.
Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom. Kif il-fergħa ma tistax tagħmel frott minnha nfisha jekk ma tibqax fid-dielja, hekk anqas intom jekk ma tibqgħux fija. Jiena d-dielja, intom il-friegħi. Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott; għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn. Jekk wieħed ma jibqax fija, jintrema barra bħal fergħa, u jinxef; imbagħad, friegħi bħal dawn jiġbruhom u jixħtuhom fin-nar u jinħarqu.
Jekk tibqgħu fija u kliemi jibqa’ fikom, itolbu kulma tridu, u jingħatalkom. Din hi l-glorja ta’ Missieri, li intom tagħmlu ħafna frott u tkunu dixxipli tiegħi”.
(Ġwanni 15, 1-8)
Riflessjoni u talba:
i. kull fergħa li tagħmel il-frott jiżborha u jnaddafha, biex tagħmel frott aktar.
Li taqta’ fergħa niexfa nifhimha. Li tiżbor fergħa li qed tikber b’mod sabiħ, ma nifhimhiex! Imma l-bidwi jaf li mhux biżżejjed li jkollok friegħi twal biex d-dielja tagħmel l-għeneb.
Anzi
U dak li bih saru l-art u s-smewwiet jaf li jekk il-bniedem jimtela bih innifsu,
ikun diffiċli għalih li jħobb. għax fuq is-salib, kull ġest huwa espressiv, ix-xagħar imqanfed għal raġuni,
Irrifletti:
- Kien hemm xi esperjenza diffiċli li ħalliet il-ġid fik?
- Liema aspett tal-ħajja apprezzajt aktar?
ii. Kif il-fergħa ma tistax tagħmel frott minnha nfisha jekk ma tibqax fid-dielja, hekk anqas intom jekk ma tibqgħux fija.
Ħafna drabi inħalltu s-suċċess mal-frott.
Nibdew naħsbu li l-valur tagħna jitkejjel mis-suċċess,
insiru skjavi tiegħu, noqtlu lilna nfusna għal suċċess bil-qies tad-dinja,
u nħossuna dejjem vojta.
L-istedina ta’ Ġesù hija li tinħeles minn din l-iskjavitù,
u tpoġġi l-emfasi fuq ir-rabta mad-dielja.
Ta’ xejn titħabat weħidha l-fergħa: ma tagħmilx frott!
Li trid tagħmel huwa li ssaħħaħ ir-rabta maz-zokk, mal-għajn tal-ħajja:
Tikkontempla il-persuna ta’ Ġesù; tgħix minnu; mill-istil tiegħu.
Imbagħad il-frott joħroġ,
u jibqa’,
u jkun sabiħ
Irrifletti
- Ieqaf ftit u emmen: Ġesù ħaj u jagħti l-ħajja!
- Liema stil qed jispira fik?
iii. Din hi l-glorja ta’ Missieri, li intom tagħmlu ħafna frott u tkunu dixxipli tiegħi.
Il-glorja tal-Missier huwa l-bniedem ħaj,
il-bniedem li jgħix l-imħabba, l-verità, l-kompassjoni.
Il-bniedem ħaj hu dak li jara lil Alla,
li dixxiplu ta’ Ġesù,
li jimxi warajh, miegħu,
josserva lilu, l-għemil tiegħu, l-istil ta’ kif iħobb.
Iħobbu.
Il-bniedem ħaj jagħti frott,
Jidher Alla fih.
“Il-frott tal-Ispirtu huma: l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan”(Gal 5, 22-23)
Irrifletti:
- Liema frott tixtieq li tagħti ħajtek?
- Itlob lil Kristu jagħtik l-Ispirtu tiegħu.
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, għal dejjem ta’ dejjem.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.