Meta kollox jiċċaqlaq.

Meta kollox jiċċaqlaq.

Niċċelebraw l-Evanġelju tat-12-il Ħadd tas-Sena

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Nidħol fil-presenza ta’ Alla b’sens ta’ tifħir:

Roddu ħajr lill-Mulej, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

(Salm 106)


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skond San Mark

Darba, filgħaxija, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ejjew naqsmu għax-xatt l-ieħor”. Ħallew in-nies, u ħaduh magħhom kif kien fid-dgħajsa; u marru miegħu dgħajjes oħra.

U qam riefnu kbir, u l-mewġ beda tiela’ għal ġod-dgħajsa, hekk li kienet ġa bdiet timtela bl-ilma. Hu kien fil-poppa, rieqed fuq imħadda. Qajmuh u qalulu: “Mgħallem, dan qisu mhu xejn għalik li aħna se nintilfu?”.

Imbagħad qam, ordna lir-riħ u qal lill-baħar: “Iskot! Biżżejjed!”. U r-riħ waqaf u waqgħet kalma kbira. U qalilhom: “Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?”.

U qabadhom biża’ kbir, u bdew jgħidu lil xulxin: “Dan min hu, mela, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu?”.

(Mark 4, 35-41)

pexels/daniel spase: go beyond

Riflessjoni u talba:

i. Ejjew naqsmu għax-xatt l-ieħor

Kultant inkun miexi sew;
tiġri xi ħaġa u titfagħni f’nofs baħar imqalleb.
Falliment jew xi sfida ġdida
Pandemija jew xi bidla fis-soċjetà.
 
Nintebaħ li l-art li kont fuqha kienet superfiċjali – taħt xejn.
F’nofs ta’ baħar infittex il-profondità,
“art” aktar soda,
għax mis-sema!

Irrifletti:

  • Xi tfisser għalik tpoġġi l-fiduċja f’Alla?
pexels/emiliano arano: awakened


ii. Il-mewġ beda tiela’ għal ġod-dgħajsa.

Il-mewġ dieħel għal ġod-dgħajsa … sitwazzjoni serja.
L-ambjent sejjer lura – il-kbir u ż-żgħir ma’ jagħmlu xejn!
Nies jixtru u jinxtraw, il-fqir taħt l-ilma, u qisu m’hu jiġri xejn!
L-interess individwali jisraq biċċiet mid-dgħajsa li magħmula għal kulħadd!
 
U int Mulej, inħalluk fil-poppa, fejn l-ewwel li jegħreq …
il-kompassjoni, il-fiduċja, l-onestà, is-sens ta’ ġustizzja, l-imħabba lejn l-għedewwa …
Meta se nsejħulek?

Irrifletti

  • X’jenħtieġ nerġgħu niskopru bħala soċjetà?
pexels/wouter de jong: presence


iii. Iskot! Biżżejjed!

Hemm nies li bħal Ġesù (ma’Ġesù)
għandhom din il-qawwa: sempliċi, soda
ħierġa mill-fiduċja profonda f’Alla.
 
Ħafna jinvestu fil-forza li tikkostrinġi u taħkem.
Ġesù juża’ qawwa li tiftaħ possibilitajiet:
kemm għall-baħar u kemm għall-bniedem.
Ejja mmorru n-naħa l-oħra!

Irrifletti

  • Min huma l-persuni li jeżerċitaw qawwa b’mod tant sabiħ?

Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.