Il-qawwa tal-Kelma

Il-qawwa tal-Kelma

Niċċelebraw l-Evanġelju tat-3 Ħadd tas-Sena Ċ

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Il-kliem tiegħek, Mulej, huwa spirtu u ħajja.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Bosta kienu dawk li ħadu f’idejhom ix-xogħol li jiġbru bl-ordni f’rakkont wieħed il-ġrajja li seħħew fostna, kif għaddewhom lilna dawk li sa mill-bidu rawhom b’għajnejhom stess u saru ministri tal-Kelma. Hekk ukoll jien, għażiż Teofilu, wara li bir-reqqa kollha qgħadt infittex it-tagħrif dwar kulma ġara sa mill-bidu nett, deherli li għandi niktiblek kollox ħaġa b’ħaġa, biex tagħraf sewwa l-verità sħiħa dwar kulma tgħallimt.Jum wieħed, Ġesù, bil-qawwa tal-Ispirtu, reġa’ mar il-Galilija; u l-fama tiegħu xterdet ma’ dawk l-inħawi kollha, għax hu kien jgħallem fis-sinagogi tagħhom fost it-tifħir ta’ kulħadd. U ġie Nazaret fejn kien trabba. Daħal fis-sinagoga tagħhom, kif kien imdorri jagħmel nhar ta’ Sibt, u qam biex jaqra. Tawh f’idejh il-ktieb ta’ Iżaija l-profeta, fetħu u sab fejn kien hemm miktub dan li ġej:

“L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,
għax hu kkonsagrani.
Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,
inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,
u d-dawl mill-ġdid lill-għomja,
irrodd il-ħelsien lill-maħqurin
u nxandar is-sena tal-grazzja tal-Mulej”.


 Imbagħad raġa’ għalaq il-ktieb, tah lura lill-qaddej u qagħad bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammra fuqu. U beda jgħidilhom: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu”.

(Lq 1:1-4; 4:14-21)

pexels/rodnae: the beauty of sharing the word

Riflessjoni u talba:

i. Saru ministri tal-Kelma

Hemm kliem li jintefa’ bl-addoċċ:
imut qabel ma’ jasal.
Hemm kliem imwaddab bħal bżar fl-għajnejn:
idgħajjef lil min jgħidu daqs kemm lil min jintlaqat.
Hemm kliem bla sustanza;
li jfakkrek li mhux kulma jleqq hu deheb!
Imma hemm kliem bl-għeruq fil-“ġrajja li seħħew”,
hemm kliem li huma “Aħbar Tajba”:
jibdlu kemm lil min jirċevihom u kemm lil min jgħidhom: “ministri tal-Kelma”.


Irrifletti

  • Xi kliem twassal?
pexes/rodnae: the beauty of truth


ii. Hekk ukoll jien ... biex tagħraf sewwa l-verità sħiħa

Hemm min jibqa’ spettatur

Uħud lanqas biss iċapċpu.

Oħrajn jimxu wara dak li jagħmel ħoss, kjass, jilludi:
kliem ilellex imdewwed minn ġewwa.
Imma hemm min ifittex il-“verità sħiħa”
u jiddedika ħajtu biex jaqsam dan ma’ “Teofilu” u oħrajn.
Il-Kelma li jgħaddi issir “Aħbar tajba” li tibqa’ minn seklu għal ieħor.

Irrifletti

  • Kif tqum fik ix-xewqa għall-verità?
pexels/hakan erenler: your Word is a light for my path


iii. “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu”

Il-kitba “seħħet” u Luqa fittex li jniżżel “il-ġrajja li seħħew”:
Il-ġrajja ta’ Ġesù, il-Kelma li “ma terġax lura vojta, …
u ttemm dak li mibgħuta tagħmel” (Ara Iż 55, 10-11)
 
Il-qawwa tal-Kelma li tersaq qrib għax sagra u qaddisa
u għax tersaq qrib
min hu skjav jimtela bil-fiduċja, iqum fuq saqajh
min kien jaħseb li spiċċa kollox, jiskopri l-qawmien
min poġġa għamad fuq għajnejh biex ma jarax aktar, sab il-kuraġġ mill-ġdid
min kien qed jingħalaq u jitkisser, sab ruħu fil-wisgħa, seta’ jieħu nifs.
 
Il-Kelma li sseħħ, li tiftaħ triq, li tniedi żmien ġdid
Ġesù li resaq qrib, inqatel, u QAM!

Irrifletti

  • “We need his word so that we can hear, amid the thousands of other words in our daily lives, that one word that speaks to us not about things, but about life.” Pope Francis


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.