Post

Post

Niċċelebraw l-Evanġelju tas-7 Ħadd tal-Għid

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Tela’ Alla b’għajjat ta’ ferħ.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Hekk kien miktub, li l-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet, u li l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f’ismu lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm. Intom xhud ta’ dan. U jiena, araw, nibgħat fuqkom lil dak li wiegħed Missieri. Imma intom ibqgħu fil-belt, sa ma Alla jkun libbiskom bil-qawwa tiegħu”.
Imbagħad ħadhom sa ħdejn Betanja, u rafa’ jdejh u berikhom. U ġara li, huwa u jberikhom, infired minnhom u kien meħud fis-sema. Huma nxteħtu fl-art jagħtuh qima, u mimlijin b’ferħ kbir reġgħu lura lejn Ġerusalemm, u qagħdu l-ħin kollu fit-tempju jbierku lil Alla.

(Lq 24:46-53)

pexels/markus spiske: memories that bring healing

Riflessjoni u talba:

i. Ħadhom sa ħdejn Betanja, u rafa’ jdejh u berikhom.

Il-post fejn rikeb fuq felu ta’ ħmar
il-post minn fejn niżel lejn Ġerusalem
isir
il-post minn fejn jitla’ fis-sema
il-post minn fejn il-dixxipli jirċievu l-barka.
 
Il-post marbut mal-miżerja u l-umiljazzjoni
isir ukoll il-post ta’ bidu ġdid u tjubija.
Il-post marbut ma’ mħabba umli li donnha ħajja moħlija
isir il-post ifawwar b’għożża u barka għal dejjem.

Irrifletti

  • Liema post ifakkrek f’imħabba umli, imħabba siekta, li ħalliet frott kbir?
pexes/atc comm photo: love makes room for the other


ii. Huwa u jberikhom, infired minnhom u kien meħud fis-sema.

Il-post tal-barka, tal-assigurazzjoni minn imħabba kostanti,
isir ukoll il-post minn fejn Ġesù jieħu d-distanza,
minn fejn jinfired minn magħhom!
 
Iħobb billi jagħti spazju:
joħloq spazju
għar-riskju u l-kreattività
għall-inizjattiva u l-possibilità ta’ żball
għall-fiduċja
għall-uman.

Irrifletti

  • Min kienu l-persuni li ħolqu spazju sabiħ biex stajt tkun int?
pexels/kristina polianskaia: grace transforms failure


iii. Huma nxteħtu fl-art jagħtuh qima, u mimlijin b’ferħ kbir reġgħu lura lejn Ġerusalemm

Mimlijin b’ferħ kbir
imorru lura fil-post fejn kienu ttradewh
fil-post fejn daqu x-xokk u t-trawma ta’ falliment totali: Ġerusalemm!
 
Aħna wkoll immorru lura b’ferħ
fil-post tat-tradiment sabiex induqu mill-ġdid il-maħfra li mistednin iwasslu lill-oħrajn
fil-post tad-dgħufija sabiex nistennew il-qawwa li tiġi minn fuq
l-unika li ssalvana minn ħajja moħlija.

Irrifletti

Liema huwa għalik il-post ta’ ħtija/falliment? Itlob l-esperjenza tal-ħlewwa u l-qawwa tal-Irxoxt.


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.