Ħares ‘il quddiem

Ħares ‘il quddiem

Niċċelebraw l-Evanġelju tat-13-il Ħadd ta’ Matul is-Sena Ċ

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

Meta Ġesù qorob għalih iż-żmien li fih kellu jittieħed mid-dinja, b’rieda sħiħa dar u telaq lejn Ġerusalemm. U bagħat xi messaġġiera qablu li, huma u sejrin, daħlu f’raħal tas-Samarija biex iħejjulu fejn joqgħod. Iżda hemmhekk ma laqgħuhx, billi hu kien sejjer Ġerusalemm. Meta raw dan, id-dixxipli Ġakbu u Ġwanni qalulu: “Mulej, tridx ngħidu lin-nar jinżel mis-sema u jeqridhom?”. Iżda hu dar fuqhom u ċanfarhom. U marru f’raħal ieħor. Huma u miexja fit-triq kien hemm wieħed li qallu: “Tmur fejn tmur, jiena niġi warajk”. U qallu Ġesù: “Il-volpijiet għandhom l-għerien tagħhom u l-għasafar tal-ajru l-bejtiet, iżda Bin il-bniedem ma għandux fejn imidd rasu”.


Lil wieħed ieħor qallu: “Imxi warajja”. Iżda dak wieġbu: “Ħallini l-ewwel immur nidfen lil missieri”. Iżda hu wieġbu: “Ħalli l-mejtin jidfnu l-mejtin tagħhom; iżda int mur u xandar is-Saltna ta’ Alla”. U ieħor ukoll qallu: “Jien niġi, Mulej, warajk, imma l-ewwel ħallini nsellem lil tad-dar”. Qallu Ġesù: “Min iqiegħed idu fuq il-moħriet u jħares lura mhuwiex tajjeb għas-Saltna ta’ Alla”.

(Lq 9:51-62)

pexels/ryan lansdown: resolute

Riflessjoni u talba:

i. B’rieda sħiħa dar u telaq lejn Ġerusalemm

Ma jagħżilx li jgħix il-ħajja b’mod passiv;
lanqas li jgħix ħajtu jinħeba wara subajh,
jagħmel xi ħaġa żgħira, f’rokna komda, fejn ma jbatix.
 
B’determinazzjoni sħiħa jitlaq lejn Ġerusalemm
il-post tar-reżistenza tal-poter u l-kontroll
il-post fejn min iħobb lil min skartat mill-kbar, jiġi eliminat hu.

Imma l-imħabba t’Alla mhix beżżiegħa u lanqas fjakka.

Irrifletti

  • Ġib il-memorja ta’ persuna determinata li tagħmel it-tajjeb minkejja r-reżistenzi.
pexes/kyle loftus: perspective


ii. hu dar fuqhom u ċanfarhom

Quddiem ir-reżistenza tas-Samaritani
id-dixxipli mhux jaħarbu iżda jitolbu vjolenza,
il-qerda tagħhom …
anzi, li Alla jeqridhom.
 
Ġesù jċanfarhom:
“intom ma tafux ta’ liema spirtu intom.
għax Bin il-Bniedem ma ġiex biex jitlef erwieħ il-bnedmin,
imma biex isalvahom”.
Perspettiva oħra ta’ Alla, dik li joffri Ġesù!

Irrifletti

  • Liema perspettiva t’Alla tmexxik?
pexels/haticebaran: commitment


iii. “Min iqiegħed idu fuq il-moħriet u jħares lura mhuwiex tajjeb għas-Saltna ta’ Alla”

L-għarusa, hija u tielgħa biex tiżżewweġ,
ma toqgħodx tħares lura lejn il-possibilitajiet li ser tħalli warajha;
ma tistax tkun sieq hawn u sieq hemm;
qiegħed hawn iżda moħħi u qalbi band’oħra!
 
Għas-Saltna t’Alla
ħares ‘l quddiem:
ħares ‘l quddiem u kompli aħrat,
kompli iżra’ t-tajjeb,
il-ġustizzja,
il-paċi;
kompli ħares ‘l quddiem bil-fiduċja
li l-mewt taż-żerriegħa tiġi akkumpanjata mill-frott (30, 60, 100)
li t-tbatija għal dak li hu sewwa se jwassal għal qawmien
li min jiżra’ l-imħabba fid-dmugħ, jaħsad bil-ferħ.

Irrifletti

  • Fejn qed tbati biex timpenja ruħek? X’tixtieq titlob?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.