Agħżel il-ferħ!

Agħżel il-ferħ!

Niċċelebraw l-Evanġelju tal-24 Ħadd ta’ Matul is-Sena Ċ

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Inqum u mmur għand missieri.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu lejn Ġesù bi ħġarhom biex jisimgħuh. U kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: “Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom”.
Ġesù qabad u qalilhom din il-parabbola: “Min hu dak fostkom li jkollu mitt nagħġa u jitlef waħda minnhom, u ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra fid-deżert biex imur wara l-mitlufa sa ma jsibha? U meta jsibha, jifraħ biha u jerfagħha fuq spallejh, imur id-dar, isejjaħ għandu lil ħbiebu u l-ġirien, u jgħidilhom: ‘Ifirħu miegħi, għax sibt in-nagħġa li kienet intilfitli’. Ngħidilkom li l-istess jiġri fis-smewwiet: ikun hemm aktar ferħ għal midneb wieħed li jindem milli għal disgħa u disgħin bniedem tajjeb li ma kellux bżonn ta’ ndiema. Jew min hi dik il-mara li jkollha għaxar drakmiet u titlef waħda minnhom, li mhijiex sejra tixgħel il-musbieħ u tiknes id-dar, u tibqa’ tfittex bil-għaqal sa ma ssibha? U meta ssibha, issejjaħ għandha lil ħbiebha u l-ġirien, u tgħidilhom: ‘Ifirħu miegħi, għax sibt id-drakma li kienet intilfitli’. Ngħidilkom jien li l-istess ferħ ikun hemm fost l-anġli ta’ Alla għal midneb wieħed li jindem” …  

(Lq 15:1-32)

pexels/dziubi steenbergen: listening is a pathway to joy!

Riflessjoni u talba:

i. Il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu lejn Ġesù bi ħġarhom biex jisimgħuh … il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu …

Hemm min żbalja
imma baqa’ jġorr xewqa
li jisma’, li jirċievi dawl, li jfittex dak li hu aħjar!
 
Hemm min iħoss li ma żbaljax
iżda tilef ix-xewqa li jisma’, li jiskopri, li jissorprendi ruħu,
u kulma baqa’ joffri kien kliem ta’ tgemgim,
imma mhux ħajja!

Irrifletti

  • Fejn hemm fik xewqa biex tiskopri aktar?
pexes/cottonbro: sharing is maximizing joy


ii. Isejjaħ għandu lil ħbiebu u l-ġirien, u jgħidilhom: ‘Ifirħu miegħi, għax sibt in-nagħġa li kienet intilfitli’

X’jixtieq Alla?
Mhux li jimponi
imma lanqas li nibqgħu ngħaffġu!
Mhux li jikkundanna
imma lanqas li jieqaf ifittex il-ġid.
 
Jixtieq il-ħajja ta’ min intilef
u li jaqsam il-ferħ ma min waqa’ fil-bruda
għax ma baqax jimpurtah mit-tajjeb u minn min intilef.

Irrifletti

  • Fejn tara li Alla jixtieq jaqsam miegħek il-ferħ?
pexels/los muertos crew: a joy that weaves and restores relationships


iii. “dan ibnek, li belagħlek ġidek man-nisa żienja … Ibni … dan ħuk kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab”

Il-ħażen u t-taħwid
mhux biss kapaċi jkissru lil min jaqa’ għalihom
iżda wkoll ipoġġu dagħbien u distanza saħansitra bejn l-aħwa!
 
Is-sabar u l-ħniena tal-Missier
mhux biss kapaċi jerfgħu mill-ġdid lil min tkisser mill-ħażen
iżda wkoll jinsġu r-relazzjonijiet bejn l-aħwa!

Irrifletti

  • Għal liema relazzjonijiet tixtieq titlob?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.