Ħajja tbaqbaq

Ħajja tbaqbaq

Niċċelebraw l-Evanġelju tal-31 Ħadd ta’ Matul is-Sena Ċ

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Mulej, inbierek ismek għal dejjem ta’ dejjem.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù daħal Ġeriko u kien għaddej mit-triq. Mela jkun hemm raġel, jismu Żakkew; dan kien wieħed mill-kapijiet tal-pubblikani, u kien għani. Kellu xewqa li jara min kien Ġesù, imma ma setax minħabba l-folla, billi kien raġel qasir. Għalhekk mar jiġri ’l quddiem u xxabbat ma’ siġra tat-tin selvaġġ, għax minn dik in-naħa kien se jgħaddi.


Ġesù, kif wasal hemm, ħares ’il fuq u qallu: “Żakkew, isa, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli noqgħod għandek”. Dak niżel bla telf ta’ żmien, u kollu ferħan laqgħu għandu. In-nies, meta rawh, ilkoll bdew igemgmu bejniethom u jgħidu li għand wieħed midneb daħal jistrieħ.


Imma Żakkew, wieqaf, qal lill-Mulej: “Ara, Mulej, nofs ġidi se nagħtih lill-foqra, u jekk jien qarraqt b’xi ħadd irroddlu għal erba’ darbiet iżjed”. Qallu Ġesù: “F’din id-dar illum daħlet is-salvazzjoni, għax dan ir-raġel ukoll huwa bin Abraham. Għax Bin il-bniedem ġie jfittex u jsalva l-mitluf”..

(Lq 19, 1-10)

pexels/ron lach: am I getting closer? Or further away?

Riflessjoni u talba:

i. Kellu xewqa li jara min kien Ġesù, imma ma setax minħabba l-folla, billi kien raġel qasir. Għalhekk mar jiġri ’l quddiem u xxabbat ma’ siġra tat-tin selvaġġ …

Hemm xewqat kbar
li jċaqalquna
li jġibu sens ta’ ftuħ
ta’ ħajja
 
Imma dejjem neħlu
quddiem il-limiti tagħna (qasir)
quddiem il-ġudizzju tal-oħrajn (il-folla)
 
Nispiċċaw infittxu s-soluzzjonijiet tas-soltu
distanza mill-oħrajn
nixxabbtu biex almenu nkunu fuqhom!
 

Irrifletti

  • Xi jtellef il-ħajja u x-xewqat fik? 
pexes/vyacheslave bobin: going down can be liberating


ii. Ġesù, kif wasal hemm, ħares ’il fuq u qallu: “Żakkew, isa, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli noqgħod għandek”.

Ġesù jibdel id-direzzjoni:
“Inżel minn hemm” –
Nistgħu niltaqgħu fuq l-istess livell;
“Jeħieġli noqgħod għandek” –
m’hemmx bżonn tiġri, titbiegħed
mill-folla u x-xewqat tiegħek
m’hemmx bżonn tħares mill-bogħod, minn wara l-weraq
bil-biża’ u b’ansjetà
 
“Jenħtieġ noqgħod għandek” –
ħalli inti wkoll tagħraf li tista’ toqgħod miegħek innifsek;
għax hemm xi ħaġa aktar profonda
mit-tul ta’ persuntek, mill-ġudizzju tal-folla
“inżel” … m’hemmx bżonn titla’ biex ikollok valur.

Irrifletti

  • Xi jfisser għalik li Alla joqgħod għandek, miegħek?
pexels/darcy lawrey: life tranformed


iii. In-nies, meta rawh, ilkoll bdew igemgmu bejniethom u jgħidu li għand wieħed midneb daħal jistrieħ. Imma Żakkew, wieqaf, qal lill-Mulej: “Ara, Mulej, nofs ġidi se nagħtih lill-foqra

In-nies għadhom igemgmu
fuq Żakkew u fuq Ġesù
tgħid ser jifgaw il-ħajja
ta’ Żakkew … ta’ Ġesù?
 
Imma f’dik id-dar hemm ħajja tbaqbaq
ta’ relazzjonijiet ġodda
ta’ ġustizzja flok sfruttament
ta’ ġenerożità flok kilba
ta’ ferħ flok tgemgim.
 

Irrifletti

  • Fejn rajt eżempji ta’ relazzjonijiet li ġabu ħajja?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.