Jara lil’hinn mid-dlam
Niċċelebraw l-Evanġelju tat-33 Ħadd ta’ Matul is-Sena Ċ
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Il-Mulej jagħmel ħaqq mill-popli.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, kien hemm xi wħud li bdew jgħidu fuq kemm it-tempju kien imżejjen b’ġebel sabiħ u għotjiet; iżda Ġesù qalilhom: “Kulma qegħdin taraw, għad jiġi żmien li ma tibqax ġebla fuq oħra minnu li ma tiġġarrafx”. U huma staqsewh u qalulu: “Mgħallem, issa dan meta għad jiġri? U x’se jkun is-sinjal li dawn il-ħwejjeġ ikunu waslu biex iseħħu?”. Qalilhom: “Araw li ma titqarrqux. Għax għad jiġu ħafna f’ismi u jgħidu: ‘Jien hu’, u: ‘Iż-żmien wasal’. Tmorrux warajhom! Meta tisimgħu min jitkellem fuq gwerer u taqlib fil-pajjiżi, tinħasdux, għax jeħtieġ li l-ewwel jiġri dan, iżda t-tmiem ma jasalx minnufih”.
Imbagħad qalilhom: “Għad iqum ġens kontra ġens u saltna kontra saltna, l-art titheżżeż bil-kbir, f’ħafna bnadi jkun hemm il-ġuħ u mard li jittieħed, u fis-sema jidhru ħwejjeġ tal-biża’ u sinjali tal-għaġeb. Imma qabel dan kollu jixħtu jdejhom fuqkom u jippersegwitawkom, jagħtukom f’idejn il-mexxejja tas-sinagoga u jitfgħukom il-ħabs, u jeħdukom quddiem slaten u gvernaturi minħabba f’ismi. Dan ikun jiswielkom biex tistgħu tagħtu xhieda. U żommu sewwa f’moħħkom: toqogħdux taħsbu minn qabel kif se tiddefendu ruħkom, għax jien nagħtikom kliem u għerf li kull min ikun kontra tagħkom ma jkunx jista’ jiqaflu jew imerih.
U jittradukom saħansitra l-ġenituri tagħkom u ħutkom u qrabatkom u ħbiebkom, u lil xi wħud minnkom joqtluhom, u kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi. Imma xagħra waħda minn raskom ma tintilifx. Jekk tibqgħu sħaħ sal-aħħar issalvaw ħajjitkom!”.
(Lq 21, 5-19)
Riflessjoni u talba:
i. “Kulma qegħdin taraw, għad jiġi żmien li ma tibqax ġebla fuq oħra minnu li ma tiġġarrafx”
Imma għax kattiv?
Iħobb jifqa’ l-bużżieqa?
Tgħid għaliex ma ħallihomx jifirħu bis-sbuħija u l-kobor tat-tempju?
Anke meta tqis li ma tantx kien ilu li tlesta?
Imma Ġesù jippreferi jieħu ħsieb il-pedament.
Jekk tibni ħajtek fuq dak li hu fraġli
li għandu bidu u tmiem
– il-bini, is-saħħa, il-persuni –
tinfixel mal-ewwel kunsentura
fil-bini, fis-saħħa, fir-relazzjonijiet.
Irrifletti
- Liema hu “t-tempju” li qed jieħu valur aktar milli hemm bżonn?
ii. “Araw li ma titqarrqux. Għax għad jiġu ħafna f’ismi u jgħidu: ‘Jien hu’, u: ‘Iż-żmien wasal’. Tmorrux warajhom!”
Nippreferu soluzzjonijiet maġiċi.
Għaddejjin bidliet kbar
fis-soċjetà, fid-dinja, fl-ambjent, fir-relazzjonijiet
u nixtiequ soluzzjoni ta’ malajr (u li ma titlobx sforz).
Ġesù itenni “imxu warajja”
bla paniku
pass pass
b’direzzjoni
Irrifletti
- Liema ġrajjiet qed joħolqu paniku fik?
iii. Imma xagħra waħda minn raskom ma tintilifx. Jekk tibqgħu sħaħ sal-aħħar issalvaw ħajjitkom!
Dak li kien stabbli qed jiċċaqlaq, jaqa’
il-kultura li konna mdorrijin biha tinbidel radikalment
il-Knisja issib ruħha f’realtà ġdida fejn donnu kollox qed jaqa’
il-forzi tal-ħażen jidhru li għandhom kontroll ta’ kollox
Ġesù jaf li l-forzi tad-dlamijiet ippjanaw straġija perfetta biex jeliminawh
imma jibqa’ jħares lil hinn
u jinkuraġixxi:
“Imma xagħra waħda minn raskom ma tintilifx.
Jekk tibqgħu sħaħ sal-aħħar issalvaw ħajjitkom!”
Ibqa’ ibni ħajtek fuq il-ħarsien tal-Kelma tiegħu
Ibqa’ għażel it-tajjeb possibbli
Anke jekk ma jidhirx spettakolari, rebbieħ, suċċess.
Irrifletti
- Ieqaf fil-presenza Ġesù li ma jimteliex bil-paniku quddiem it-tiġrif u r-reżistenza
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.