Minn fejn tibda?

Minn fejn tibda?

Niċċelebraw l-Evanġelju tas-6 Ħadd tal-Għid

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna, kif fik hi t-tama tagħna.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi. U jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem, l-Ispirtu tal-verità, li d-dinja ma tistax tirċevih, għax hija la tarah u lanqas tagħrfu. Iżda intom tagħrfuh, għaliex jgħammar magħkom, u huwa fikom. Ma nħallikomx iltiema. Nerġa’ niġi għandkom. Ftit ieħor, u d-dinja ma taranix aktar. Iżda intom għad tarawni, għax jiena ngħix, u intom ukoll għad tgħixu. F’dak il-jum intom tagħrfu li jiena f’Missieri, u intom fija u jiena fikom. Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni; u min iħobb lili, iħobbu wkoll il-Missier, u jiena wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi”.

(Ġw 14, 15-21)

pexels/pixabay: let light make all the difference

Riflessjoni u talba:

i. Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi.

Aħna nibdew bil-kontra:

sistemi ta’ kontroll, regoli,
aġir estern maqtugħ mill-ġewwieni profond tagħna.

Imma Ġesù, fil-lejl li fih ser jesprimi l-profondità tal-imħabba t’Alla,
jistedinna nibnu ħajjitna fuq pedament ieħor:
duq l-imħabba, ħalliha tqajjem fik il-kapaċità biex tħobb,
u esprimiha f’aġir konkret ħiereġ mill-ġewwieni tiegħek (u t’Alla).

Irrifletti

  • Ieqaf ftit fuq l-imħabba li rċevejt mingħand Alla.
pexels/brett sayles: we’re not alone


ii. 
U jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem, l-Ispirtu tal-verità …

Fil-lejl ta’ tradiment min-nies ta’ ġewwa
fejn il-gideb isir l-għodda tal-poter
biex jindarab ir-ragħaj u tixtered il-merħla
u kulħadd jispiċċa waħdu
Ġesù jitlob lill-Missier etern
biex jagħtina Difensur ieħor
u ħadd ma jibqa’ waħdu
u l-Verità ma tindifinx
u l-komunità tista’ terġa tirxoxta!

Irrifletti

  • Fil-kuntest tad-dinja li qed ngħixu fiha, x’titlob lill-missier?
pexels/ahmed akacha: giver of life


iii.
Ma nħallikomx iltiema. Nerġa’ niġi għandkom. Ftit ieħor, u d-dinja ma taranix aktar. Iżda intom għad tarawni, għax jiena ngħix, u intom ukoll għad tgħixu.

Fil-lejl mudlam ta’ ftehim li jwassal għall-qtil tal-innoċenti
tiddi l-qalb ta’ Dak
li jibqa’ jieħu responsabbiltà tal-ieħor, tal-oħra
jibqa’ jgħożż u jieħu ħsieb
jibqa’ jqawwi u jiggwida
jgħix u jgħajjex
id-dawl tiegħU jixgħel fjammi oħra
lesti biex jieħdu responsabbiltà ujuru għożża.
Ma nħallikomx iltiema!

Irrifletti

  • Ieqaf fuq il-kliem: “jiena ngħix u intom ukoll għad tgħixu”.


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.