Sigrieti

Sigrieti

Niċċelebraw l-Evanġelju tal-14-il-Ħadd

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Mulej, inbierek ismek għal dejjem.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien Ġesù qabad u qal: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok. Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf lill-Iben jekk mhux il-Missier, kif ħadd ma jagħraf lill-Missier jekk mhux l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu.

Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif”.

(Mt 11, 25-30)

pexels/daka: rediscover awe

Riflessjoni u talba:

i. Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin.

Ġesù jinnota u jifraħ:

il-kobor jesgħu biss iċ-ċkejken!

Min mimli bih innifsu
jew iħoss li jaf ħafna
ma jibqagħlux post għas-sorpriża
ma jafdax li jista’ jirċievi xi ħaġa oħra
ma jitlaqx il-kontroll biex jagħti spazju
għas-Sid tas-sema u l-art!

Mhux hekk iċ-ċkejknin !

Irrifletti

  • Ieqaf ftit u stagħġeb!
pexels/josh willink: known through the heart


ii. 
Ħadd ma jagħraf lill-Iben jekk mhux il-Missier, kif ħadd ma jagħraf lill-Missier jekk mhux l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu.

Ġesù josserva sigriet ieħor:
l-essenzjal ma jidhirx bl-għajnejn iżda bil-qalb.
 
Hemm mumenti żgħar li doqna din il-verità:
f’relazzjonijiet ta’ ħbiberija
f’persuni li jgħinuk tkun int bl-għożża tagħhom
li jafuna fil-fond u jħobbuna aktar.
 
Esperjenza tiegħek innifsek
Li la tista’ toħloqha u lanqas tisfurzaha:
Tista’ biss titlobha u tirċeviha.

Irrifletti

  • Itlob lill-Ġesù jgħinek tirċievi  l-imħabba tal-Missier!
pexels/rachel claire: rediscover gentleness


iii.
Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom.

Ħafna drabi irriduċejna l-fidi
għal sett ta’ regoli li trid iżżomm
piżijiet li jaqtgħulek nifsek.
 
Anke l-libertajiet tas-soċjetà
faċli jispiċċaw aspettattivi li trid tlaħħaq magħhom
sors ta’ ansjetajiet li jpoġġuk fit-tarf!
 
Kemm għandi bżonn nisma’
kelma, parir, perspettiva
minn Dak li hu ta’ qalb ħelwa u umli
flok direttivi u riklami minn qalb iebsa u kburija.

Irrifletti

  • Ieqaf fuq il-kliem “għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli”. Fejn iltqajt ma’ persuni li għandhom din il-kwalità?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.