Żerriegħa.

Żerriegħa.

Niċċelebraw l-Evanġelju tal-15-il-Ħadd

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Iż-żerriegħa waqgħet f’art tajba, u għamlet il-frott.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

Dakinhar Ġesù ħareġ mid-dar, mar f’xatt il-baħar u qagħad bilqiegħda hemm. U nġabru madwaru folol hekk kbar ta’ nies li kellu jitla’ fuq dgħajsa u jinżel bilqiegħda fiha; in-nies qagħdu lkoll wieqfa fuq ix-xatt, u hu beda jkellimhom fuq bosta ħwejjeġ bil-parabboli.
U qalilhom: “Darba wieħed bidwi ħareġ jiżra’. Huwa u jiżra’, xi żerrigħat waqgħu mal-mogħdija, ġew l-għasafar u naqqruhom kollha. Oħrajn waqgħu f’art kollha blat, fejn ma kienx hemm wisq ħamrija, u malajr nibtu, għax il-ħamrija ma kinitx fonda; iżda mbagħad telgħet ix-xemx, u nħarqu u nixfu, għax ma kellhomx għeruq. Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber magħhom u ħonoqhom. Imma oħrajn waqgħu f’art tajba, u għamlu l-frott, min mija, min sittin, u min tletin. Min għandu widnejn, ħa jisma!”.

(Mt 13, 1-9)

pexels/pixabay: making space

Riflessjoni u talba:

i. Dakinhar Ġesù ħareġ mid-dar, mar f’xatt il-baħar u qagħad bilqiegħda hemm.

Bejn sema u ilma
bejn l-art u l-baħar

bilqiegħda.

M’hemmx paniku jew fernesija,
f’dak li ġie biex isalva d-dinja
imma kelma ħierġa mid-dar
ta’ dak li ħalaq is-sema u l-art.

Irrifletti

  • Ieqaf ftit bilqiegħda!
pexels/eva bronzini: hopes shattered


ii. 
U qalilhom: “Darba wieħed bidwi ħareġ jiżra’. Huwa u jiżra’, xi żerrigħat waqgħu mal-mogħdija, ġew l-għasafar u naqqruhom kollha.

Tgħid qed nagħżaq fl-ilma?
Għadni qed niżra’ u ż-żerriegħa ġa nsterqet
għidt kelma importanti u ġa tgħattiet b’aħbar frivola.
 
Hemm dik li bdiet tikber
Illum iggustajtha u l-għada ma sibthiex.
Hemm sens li tinvesti meta l-bniedem donnu ma jridx?
 
Nipprova t-tielet darba
sibt nies disposti u jridu
mur ikkalkula l-impatt ta’ dak li jtellef u joħnoq?

Irrifletti

  • X’jaqtagħlek qalbek fil-kuntest attwali?
pexels/engin akyurt: hope renewed


iii. Imma oħrajn waqgħu f’art tajba, u għamlu l-frott, min mija, min sittin, u min tletin.

L-istorja ma tispiċċax ma’ tlieta.
minn xatt il-baħar ma jieqafx jemmen fl-art tajba
u fil-qawwa taż-żerriegħa:
il-Kelma li biha saru l-art u s-sema
issawwar il-bniedem li jilqagħha:
Mur iżen il-frott li ħareġ f’dawn l-elfejn sena
mindu tnisslet din il-parabbola
fil-qalb ta’ bniedem bilqiegħda f’xatt il-baħar?

Irrifletti

  • X’inhi l-għajn tat-tama għalik?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.