Fiduċja
Niċċelebraw l-Evanġelju tas-16-il-Ħadd
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Mulej, inti twajjeb u taħfer.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lin-nies din il-parabbola: “Is-saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed raġel li żara’ żerriegħa tajba fl-għalqa tiegħu. Iżda xħin in-nies kienu reqdin, ġie l-għadu tiegħu, żara’ s-sikrana qalb il-qamħ u telaq. Meta mbagħad il-qamħ nibet u ħareġ is-sbul, tfaċċat ukoll is-sikrana. Resqu l-qaddejja fuq sid l-għalqa u qalulu: “Sinjur, int mhux żerriegħa tajba żrajt fl-għalqa tiegħek? Mela dis-sikrana mnejn ġiet?”.
Iżda hu qalilhom: “Dil-biċċa għamilhieli xi għadu tiegħi”. “Tridx immorru niġbruha?”, qalulu l-qaddejja. “Le, qalilhom, għax intom u tiġbru s-sikrana għandkom mnejn taqilgħu magħha l-qamħ ukoll. Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien sal-ħsad; meta mbagħad jasal il-ħsad, ngħid lill-ħassada: Iġbru s-sikrana l-ewwel, u orbtuha qatta qatta għall-ħruq, imbagħad qiegħdu l-qamħ fil-maħżen tiegħi””. (Mt 13, 24-30)
Riflessjoni u talba:
i. Is-saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed raġel li żara’ żerriegħa tajba fl-għalqa tiegħu. Iżda xħin in-nies kienu reqdin, ġie l-għadu tiegħu, żara’ s-sikrana qalb il-qamħ u telaq.
Kont nimmaġina li s-Saltna tas-Smewwiet
hija bħal xi ħadd li jfaqqa’ subgħajh
u kollox jiġi f’postu
u ma jkunx hemm taħwid
u lanqas inkwiet.
Xħin ninduna li r-realtà mhix hekk
inkun se ntajjar kollox.
Irrifletti
- Fejn tara l-bżonn li tirrevedi l-ideat li fassalt fuq il-ħajja?
ii. Iżda hu qalilhom: “Dil-biċċa għamilhieli xi għadu tiegħi”. “Tridx immorru niġbruha?”, qalulu l-qaddejja.
Kont nimmaġina li jekk għandi s-saħħa
l-unika mod kif nużaha hija li
nieħu azzjoni mill-ewwel
biex nelimina dak li ma narahx sew
li ninżel b’saħħa fuq dak li żbalja:
daqqa l-ieħor u daqqa jien.
Irrifletti
- Kif tuża s-saħħa tiegħek?
iii. “Le, qalilhom, għax intom u tiġbru s-sikrana għandkom mnejn taqilgħu magħha l-qamħ ukoll.
Jidher li hemm mod ieħor kif taħdem il-qawwa t’Alla,
li jaf jistenna
li jafda li ż-żerriegħa tajba tagħti l-frott
li jagħti spazju lill-bniedem biex juża l-libertà tiegħu –
anke bir-riskju li jiżbalja –
li jikkoreġi b’għaqal biex ma jkissirx il-persuna
li jinvesti fit-tajjeb u mhux fil-ħażin
li ma jħarisx lejn il-persuna u jieqaf biss fuq is-sinjali tal-egoiżmu u n-nuqqas ta’ onesta
Iżda jħares b’fiduċja fiż-żerriegħa t-tajba li nżergħet f’kull bniedem
u jagħmel minn kollox biex isostniha.
Għall-ewwel tinħass dgħajfa,
iżda Alla hemm juri l-qawwa tiegħu:
fil-parabbola tas-sikrana!
Irrifletti
- Alla kif iġib ruħu mal-limiti tiegħek?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.