Wiċċ jiddi

Wiċċ jiddi

Niċċelebraw l-Evanġelju tas-Salvatur

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Il-Mulej isaltan, hu ’l fuq mill-art kollha!


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

Sitt ijiem wara, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u ’l Ġakbu u ’l ħuh Ġwanni, tellagħhom fuq muntanja għolja weħidhom, u tbiddel quddiemhom. Wiċċu sar jiddi bħax-xemx, u lbiesu sar abjad bħad-dawl. U dehrulhom Mosè u Elija jitħaddtu miegħu. Qabeż Pietru u qal lil Ġesù: “Mulej, kemm hu sew li aħna hawn! Jekk trid intella’ hawn tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè u waħda għal Elija.” Kif kien għadu jitkellem, sħaba kollha dawl għattiethom u minn ġos-sħaba nstema’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu.” Id-dixxipli, kif semgħu dan, waqgħu wiċċhom fl-art, mimlijin biża’. Ġesù resaq lejhom, messhom u qalilhom: “Qumu. La tibżgħux.” Huma refgħu għajnejhom u ma raw lil ħadd ħlief lil Ġesù waħdu. Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, Ġesù ordnalhom u qalilhom: “Tgħidu lil ħadd b’din id-dehra sa ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet.” (Mt 17, 1-9)

pexels/sami aksu: glimpsing the face of God

Riflessjoni u talba:

i. Sitt ijiem wara, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u ’l Ġakbu u ’l ħuh Ġwanni, tellagħhom fuq muntanja għolja weħidhom, u tbiddel quddiemhom. Wiċċu sar jiddi bħax-xemx …

Mose tela’ jitkellem m’Alla:
bla ma jaf, niżel wiċċu jiddi;
Elija għaraf li Alla kien fiż-żiffa ħelwa:
għatta wiċċu u sab il-qawwa biex jibqa’ miexi.
 
Il-wiċċ ta’ Ġesù jiddi bħax-xemx!
X’hemm? X’qed jiġri?
Għażiż Pietru, iżżidx la velu u lanqas tinda:
għandna bżonn naraw wiċċ Kristu
biex wiċċna wkoll jiddi
biex aħna wkoll nibqgħu mexjin.

Irrifletti

  • Xi jfisser il-wiċċ għalik?
pexels/poppy martinez: inner strength


ii. 
Kif kien għadu jitkellem (Pietru), sħaba kollha dawl għattiethom u minn ġos-sħaba nstema’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi, isimgħu lilu.”

Bħalna, Pietru jgħid ħafna kliem!
 
Imma hemm kelma li toħroġ mis-silenzju
minn qalb li minn dejjem tħabbat trankwilla:
malli tinstema’ din il-kelma, taqa’ l-ħemda …
“Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu”.
 
Issa naf għaliex dak il-wiċċ jiddi
anke meta msallab:
Ibni … l-għażiż … l-għaxqa.
 
Nieqaf nisma’ lilU,
nisma’ l-qalb tħabbat trankwilla tal-Missier.

Irrifletti

  • Ieqaf fil-kwiet u isma l-qalb, in-nifs … ta’ Alla.
pexels/rahul pandit: the courage to bring colour


iii. Ġesù resaq lejhom, messhom u qalilhom: “Qumu. La tibżgħux.”

Alla jinżel fil-konkret
ma jingħalaqx waħdu ġo tinda
jersaq … imiss … jerġa jitkellem
biex kull bniedem jista’ jqum
biex kull bniedem jista’ jirbaħ il-biża’
biex anke wara l-esperjenza mal-art fil-Ġetsemani
anke wara t-terrur tal-Golgota
Pietru, u kull dixxiplu, isib min jersaq lejh, imissu u jgħidlu
“Qum. La tibżax”
Erġa ibda, kompli terraq.
Forsi ma tafx,
imma wiċċek jiddi!

Irrifletti

  • Xi jfissru għalik illum il-kliem “qum, la tibżax!”?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.