Taqlib sħiħ

Taqlib sħiħ

Niċċelebraw l-Evanġelju tal-20 Ħadd

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Ifaħħruk il-popli kollha, o Alla


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù telaq lejn Tir u Sidon. U ħarġet waħda mara Kangħanija minn dawk l-inħawi, u qabdet tgħajjat u tgħid: “Ħenn għalija, Mulej, Bin David; binti għandha fiha xitan, u magħdura ħafna!”. Iżda hu ma weġibhiex kelma. Resqu lejh id-dixxipli tiegħu, jitolbuh u jgħidulu: “Eħles minnha, għax ġejja tgħajjat warajna”. Imma hu qalilhom: “Ma ġejtx mibgħut ħlief għan-nagħaġ li ntilfu mid-dar ta’ Iżrael”.
Iżda hi resqet, inxteħtet quddiemu u qaltlu: “Għinni Mulej!”. Hu weġibha: “Mhux sewwa tieħu l-ħobż tal-ulied u tixħtu lill-ġriewi”. “Hekk hu, Mulej – qaltlu – iżda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda ta’ sidienhom!”. Imbagħad wieġeb Ġesù u qalilha: “Mara, il-fidi tiegħek kbira! Ħa jsirlek kif tixtieq”. U minn dak il-ħin stess bintha fieqet. (Mt 15, 21-28)

pexels/rdne stock project: recognition

Riflessjoni u talba:

i. Ġesù telaq lejn Tir u Sidon. U ħarġet waħda mara Kangħanija minn dawk l-inħawi, u qabdet tgħajjat u tgħid: “Ħenn għalija, Mulej, Bin David; binti għandha fiha xitan, u magħdura ħafna!”.

Telaq lejn Tir u Sidon …
Il-Fariżej u l-kittieba kienu niżlu minn Ġerusalemm
jopponuh u jirreżistuh! (Ara Mt 15,1)
 
Barra minn artu,
persuna meqjusa bla valur –
mara u Kangħanija –
tilqgħu u tpoġġi l-fiduċja fiH!

Irrifletti

  • Kien hemm xi okkażjoni fejn persuna issorprendietek b’mod pożittiv?
Kien hemm xi okkażjoni fejn persuna issorprendietek b’mod pożittiv?


ii. 
Iżda hu ma weġibhiex kelma. Resqu lejh id-dixxipli tiegħu, jitolbuh u jgħidulu: “Eħles minnha, għax ġejja tgħajjat warajna”.

Is-silenzju effettiv mhux bħall-kliem vojt:
jikxef u jsaffi l-motivazzjonijiet,
jassigura li kull kelma, kull azzjoni
tkun ġenwina.
 
Id-dixxipli għadhom fil-fażi li jeħilsu min-nies:
jevitaw li jmissu (jew jintmessu) it-tbatija tal-mara.
 
Il-mara turi kuraġġ bla pretensjoni:
battuta spontanja, bi ħjiel ta’ umoriżmu,
tagħmel kulma tista’ għal bintha.
 
Ġesù jagħraf iżjed fil-fond il-missjoni tiegħu:
ifejjaq lil tfajla barranija imħabbta mill-ħażen
filwaqt li jerġa lura f’artu, fejn jaf li se jsib reżistenza,
biex jibqa’ jfittex in-nagħaġ li ntilfu mid-dar ta’ Israel.

Irrifletti

  • X’effett iħalli s-silenzju f’ħajtek?
X’effett iħalli s-silenzju f’ħajtek?


iii. Ġesù u qalilha: “Mara, il-fidi tiegħek kbira! Ħa jsirlek kif tixtieq”. U minn dak il-ħin stess bintha fieqet.

Id-djalogu kien skjett
għall-bidu jidher jistona.

Imma lil dik li kienet mormija għax mara
u mormija għax pagana
Ġesù jindirizzaha bl-akbar dinjità:
Mara … il-fidi tiegħek kbira.

Irrifletti

  • Kif tagħti ħajja, dinjità, lil ħaddieħor?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.