Titlifx lil ħuk!
Niċċelebraw l-Evanġelju tat-23 Ħadd
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Isimgħu leħen il-Mulej u la twebbsux qalbkom
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub, mur sibu waħdu u widdbu. Jekk jisma’ minnek, tkun irbaħt lura lil ħuk. Jekk ma jismax, erġa’ mur u ħu miegħek wieħed jew tnejn oħra, biex kull ma jingħad jissaħħaħ bil-kelma ta’ żewġ xhieda jew tlieta. Jekk imbagħad anqas minnhom ma jkun irid jisma’, mur għid lill-knisja. U jekk anqas mill-knisja ma jkun irid jisma’ żommu b’wieħed pagan jew pubblikan.
Tassew ngħidilkom, li kull ma torbtu fuq l-art ikun marbut fis-sema, u kull ma tħollu fuq l-art ikun maħlul fis-sema. Ngħidilkom ukoll li jekk tnejn minnkom fuq l-art jgħollu leħinhom flimkien biex jitolbu xi ħaġa, Missieri li hu fis-smewwiet, jagħtihielhom. Għax fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom”.
(Mt 18, 15-20)
Riflessjoni u talba:
i. Jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub, mur sibu waħdu u widdbu. Jekk jisma’ minnek, tkun irbaħt lura lil ħuk.
Għalik mhux kulħadd għal rasu,
ma tgħidx “ma jimpurtanix”!
Jekk nara li “ħija” qed jgħaffeġ
u se jitkisser,
nara x’nagħmel.
Irrifletti
- Fejn kellek esperjenza sabiħa li xi ħadd ġibidlek l-attenzjoni ras imb’ras?
ii. Jekk ma jismax, erġa’ mur u ħu miegħek wieħed jew tnejn oħra, biex kull ma jingħad jissaħħaħ bil-kelma ta’ żewġ xhieda jew tlieta
Hemm mumenti fejn ma wasaltx
ma poġġejtx il-kliem sew
kelli nuqqas ta’ informazzjoni
kien hemm xi jtellef.
Inkun umli
Nagħraf li għandi bżonn nieħu parir
Hemm persuni li jistgħu jgħinu b’mod aħjar
Il-persuna jista’ jkollha bżonn ukoll min iweżinha
Mhux biss min jikkoreġiha.
Irrifletti
- Għandek persuni li tista’ tieħu parir tajjeb mingħandhom?
iii. Jekk imbagħad anqas minnhom ma jkun irid jisma’, mur għid lill-knisja. U jekk anqas mill-knisja ma jkun irid jisma’ żommu b’wieħed pagan jew pubblikan.
Hemm valur li wieħed juża l-prudenza
Li jimxi b’ħafna sabar;
hemm valur ukoll li wieħed ma jkunx naive
hemm mumenti fejn wieħed irid imur lil hinn mill-kunfidenzjalità
hemm ħwejjeġ li huma serji ħafna b’konsegwenzi fuq il-persuna u fuq il-komunità.
L-imħabba ma tagħlaqx għajnejha
biex tħalli l-ħażen jirrenja
l-inġustizzja issir strutturata
l-abbuż jibqa’ għaddej.
Irrifletti
- Fejn mistieden toħroġ għonqok għall-ġid komuni?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.