Nifs għar-ruħ

Nifs għar-ruħ

Niċċelebraw l-Evanġelju tal-24 Ħadd

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Ħanin u twajjeb il-Mulej


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Pietru resaq lejn Ġesù u qallu: “Mulej, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jiena naħfirlu? Sa seba’ darbiet?”. Wieġbu Ġesù: “Ma ngħidlekx sa seba’ darbiet, imma sa sebgħa u sebgħin darba. Għalhekk is-Saltna tas-Smewwiet nistgħu nxebbhuha ma’ wieħed sultan, li ried jagħmel il-kontijiet mal-qaddejja tiegħu. Kif beda jagħmel dan, ħadulu quddiemu wieħed li kellu jagħtih għaxart elef talent. Billi ma kellux minn fejn irroddhomlu, is-sinjur ordna li jinbiegħu hu, martu, uliedu u kull ma kellu, ħalli b’hekk jitħallas id-dejn.Imma l-qaddej inxteħet quddiemu jitolbu u jgħidlu: “Sinjur, stabar ftit bija, kollox irroddlok”. Is-sinjur ġietu ħasra minn dak il-qaddej, bagħtu u ħafirlu dejnu.Mela dak il-qaddej joħroġ, u jiltaqa’ ma’ wieħed minn sħabu, li kellu jagħtih mitt dinar; qabdu minn għonqu u beda jagħfsu. “Ħallas dejnek,” qallu. Il-qaddej sieħbu nxteħet quddiemu jitolbu bil-ħniena u jgħidlu: “Stabar ftit bija u rroddlok”. Imma dak ma riedx jaf, mar u xeħtu l-ħabs sa ma jrodd kull ma kellu jagħtih. Sħabu l-qaddejja raw il-ġrajja kollha u sewdu qalbhom ħafna; marru għand is-sinjur tagħhom u tarrfulu kull ma kien ġara.Imbagħad is-sinjur bagħat għalih u qallu: “Ja qaddej ħażin, meta jiena ħfirtlek dak id-dejn kollu wara li tlabtni bil-ħniena, ma kienx imissek int ukoll tħenn għal sieħbek kif ħennejt jien għalik?”. U saħan bl-aħrax is-sinjur għalih, u tah f’idejn min jaħqru sa ma jrodd kull ma kellu jagħti. Hekk jagħmel lilkom Missieri li hu fis-Smewwiet jekk ma taħfrux lil xulxin minn qalbkom”.

(Mt 18, 21-35)

pexels/maria orlova: forgiveness – new life given

Riflessjoni u talba:

i. Pietru resaq lejn Ġesù u qallu: “Mulej, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jiena naħfirlu? Sa seba’ darbiet?”.

Hemm azzjoni li nkunu ġarrabna

li toħloq oppressjonili tibqa’ titla

sena wara l-oħra Kull darba trid tieħu deċiżjoni

jew nerġa naħfer

jew nibqa’ oppress.

Irrifletti

  • Liema ġerħa donna ma tagħlaq qatt? Fejn issib xi tip ta’ duwa?
pexels/ron lach: forgiveness – breaking the cycle of oppression


ii. 
Imma l-qaddej inxteħet quddiemu jitolbu u jgħidlu: “Sinjur, stabar ftit bija, kollox irroddlok”.

Minn fejn irodd ma kellux!
Iżda baqa’ jimmaġina li jista’ jasal
bis-saħħa tiegħu biss.
 
Anke x’ħin is-sid ħafirlu kollox
baqa’ ma jistax jaċċetta
li rċieva ħafna
li inħafirlu ħafna
li allura jista’ jħobb ukoll.
 
U għax baqa’ jimmaġina li bis-saħħa tiegħu biss jasal,
baqa’ iebes u aħrax ma’ sieħbu.

Irrifletti

  • Xi tfisser għalik li tagħraf x’ingħatalek, x’inħafirlek? Fejn mistednin nirbħu l-kultura ta’ entitlement?

pexels/tima miroshnichenko: forgiveness – breaking the vicious cycle


iii.
Sħabu l-qaddejja raw il-ġrajja kollha u sewdu qalbhom ħafna

Sħabu l-qaddejja kienu ħadu r-ruħ
xħin raw lil Sidhom jaħfer
li seħibhom jista’ jgħix
u l-familja tiegħu jiffrankaw il-ħabs.
 
Imma issa reġgħet niżlet sħaba sewda:
jekk ma tinbeniex kultura ta’ maħfra
se nkissru lil xulxin!
Il-maħfra rigal li jiftaħ futur mhux kmand biex jgħakkes!

Irrifletti

  • Fejn doqt ferħ marbut ma’ esperjenza ta’ maħfra?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.