Bħal ħabba tal-qamħ.

Bħal ħabba tal-qamħ.

Niċċelebraw l-Evanġelju tal-5 Ħadd tar-Randan – B

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Oħloq fija qalb safja, o Alla.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, fost dawk li telgħu biex iqimu lil Alla fil-festa kien hemm xi Griegi. Dawn marru għand Filippu li kien minn Betsajda tal-Galilija, u talbuh: “Sinjur, nixtiequ naraw lil Ġesù”.


Filippu mar jgħid lil Indrì, u mbagħad Indrì u Filippu marru jgħidu lil Ġesù. U Ġesù weġibhom: “Waslet is-siegħa li fiha Bin il-bniedem ikun igglorifikat. Tassew tassew ngħidilkom, jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott. Min iħobb lil ħajtu jitlifha; imma min jobgħod lil ħajtu f’din id-dinja jħarisha għall-ħajja ta’ dejjem. Jekk xi ħadd irid jaqdini, hu għandu jimxi warajja, u fejn inkun jien, hemm ukoll ikun il-qaddej tiegħi. Min jaqdi lili, il-Missier jagħtih ġieħ. Issa qiegħed inħoss ruħi mħawda. U x’naqbad ngħid? Missier, eħlisni minn din is-siegħa? Imma jien għalhekk ġejt: għal din is-siegħa. Missier, agħti glorja lil ismek”. Dak il-ħin instama’ leħen mis-sema: “Jien diġà gglorifikajtu, u nerġa’ nigglorifikah”.


In-nies li kienu hemm semgħuh, u qalu li kien qiegħed iriegħed. Oħrajn qalu: “Kellmu xi anġlu”. Ġesù wieġeb: “Dan il-leħen ma ġiex għalija, imma għalikom. Il-ġudizzju ta’ din id-dinja qiegħed isir issa. Issa se jitkeċċa l-Prinċep ta’ din id-dinja. U meta nintrefa’ ’l fuq mill-art, jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja”. Hu qal dan biex jurihom b’liema mewt kien sejjer imut.

(Ġw 12:20-33)

pexels/ave calvar martinez: risk in order to bear fruit.

Riflessjoni u talba:

i. “Jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott.”

Meta taqa’
u l-kontroll donnu jaħrab minn idejk;
meta taffaċċja l-mewt
u magħha t-terrur li jispiċċa kollox,
li kollox jieqaf hemm …
 
Imma hemm ukoll il-proċess tal-imħabba ġenerattiva
li ma tkunx ċerta jekk dik l-imħabba hux ser tintlaqa’
li tinsa l-bżonnijiet diretti tagħha biex tfittex il-ġid ta’ ħaddieħor
li tintelaq fil-preżent tal-inċertezza bi ftuħ għall-frott tal-futur.

Irrifletti

  • Fejn tara rabta bejn il-parabbola u l-ħajja tiegħek?
pexels/laura: pressed yet life giving.


ii. 
Issa qiegħed inħoss ruħi mħawda. U x’naqbad ngħid? Missier, eħlisni minn din is-siegħa? Imma jien għalhekk ġejt: għal din is-siegħa. Missier, agħti glorja lil ismek”.

Bħal fl-ort tal-Getsemani (gat shemanim = pressa taż-żejt)
Ġesù jgħaddi minn tlitt mumenti ta’ pressjoni kbira
ta’ taqbida mal-mument kruċjali tat-tbatija, tal-attakk tal-ħażen
tliet mumenti ta’ għasir

  • eħlisni minn din is-siegħa
  • imma jien għalhekk ġejt: għal din is-siegħa
  • Missier agħti glorja lil ismek

Bħalma mit-tliet tipi ta’ għasir taż-żebbuġa
kienu joħorġu tliet tipi ta’ żejt –
tas-sbuħija, tal-ikel, għall-musbieħ li jdawwal –
hekk it-talb ta’ Ġesù quddiem din is-siegħa:
il-glorja ta’Alla, il-fidwa tal-bniedem, id-dawl fid-dlam.

Irrifletti

  • Kif titlob fil-mumenti ta’ kriżi?

pexels/feyza dastan: evil will be overcome.


iii. “Il-ġudizzju ta’ din id-dinja qiegħed isir issa. Issa se jitkeċċa l-Prinċep ta’ din id-dinja. U meta nintrefa’ ’l fuq mill-art, jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja”.

Iż-żmien huwa ta’ kriżi
il-konsegwenzi fuqu nnifsu huma estremi!

Jaħrab?
Isir vjolenti?
Passiv?

“Il-ġudizzju qed isir issa!”

Jagħmel għażla radikali:
li jkeċċi l-Prinċep tal-ħażen
li ma jħallihx jikkundizzjonah
li jagħraf li r-riperkussjoni vjolenti għall-imħabba radikali tiegħu
jistgħu jinbidlu fis-sbuħija li tattira lill-bnedmin kollha
li ssalvahom milli jaħsbu li ma hemm ĦADD li jista’ jħobbhom tassew
li ssalvalhom milli jaħsbu li ż-żerriegħa ssalva meta tingħalaq fiha nnifisha

Irrifletti

  • Hemm xi deċiżjoni li mistieden tieħu bħalissa?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.