Oħroġ mill-għeluq!

Oħroġ mill-għeluq!

Niċċelebraw l-Evanġelju tat-3 Ħadd tal-Għid

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

 Ixħet fuqna, Mulej, id-dawl ta’ wiċċek.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, iż-żewġ dixxipli li reġgħu lura Ġerusalemm minn Għemmaws kienu qegħdin itarrfu lill-Ħdax u lil dawk li kienu magħhom xi ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfu lil Ġesù fil-qsim tal-ħobż!

Kif kienu għadhom jitkellmu, Ġesù nnifsu waqaf f’nofshom u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Huma twerwru bil-biża’ għax ħasbu li qegħdin jaraw xi fantażma. Iżda hu qalilhom: “Għaliex tħawwadtu? Għaliex dan it-tħassib kollu f’qalbkom? Araw idejja u riġlejja. Jiena hu! Missuni, u ifhmuha li l-ispirtu ma għandux laħam u għadam bħalma qegħdin taraw li għandi jien”. Huwa u jgħidilhom dan, uriehom idejh u riġlejh. Iżda billi huma, fil-ferħ tagħhom, kienu għadhom ma jridux jemmnu u baqgħu mistagħġba, qalilhom: “Għandkom xi ħaġa tal-ikel hawn?”. Huma ressqulu quddiemu biċċa ħuta mixwija, u hu ħadha u kielha quddiemhom.

Imbagħad qalilhom: “Meta kont għadni magħkom għedtilkom dawn il-kelmiet: jeħtieġ li jseħħ kulma nkiteb fuqi fil-Liġi ta’ Mosè, fil-Profeti u fis-Salmi”. Imbagħad fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-Iskrittura. U qalilhom: “Hekk kien miktub, li l-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet, u li l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f’ismu lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm. Intom xhud ta’ dan. U jiena, araw, nibgħat fuqkom lil dak li wiegħed Missieri. Imma intom ibqgħu fil-belt, sa ma Alla jkun libbiskom bil-qawwa tiegħu”. (Lq 24:35-48)

pexels/kirolse nazeh: freeing from fear.

Riflessjoni u talba:

i. Ġesù nnifsu waqaf f’nofshom u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Huma twerwru bil-biża’ għax ħasbu li qegħdin jaraw xi fantażma.

Diġà kienu għadhom fil-magħluq
bit-trawma mill-poteri li qatlu lill-Imgħallem;
imma issa żdied it-twerwir quddiem ir-riskju
ta’ forzi moħbija u misterjużi
li jidħlu saħansitra fejn tkun inħbejt.
 
Imma hemm forza differenti
li ssibek fejn inħbejt
biex tagħtik qawwa interjuri: Il-paċi miegħek.

Irrifletti

  • Liema biża’ tixtieq li titfejjaq?
pexels/kirik suleyman: hands carry a story.


ii. 
Iżda hu qalilhom: “Għaliex tħawwadtu? Għaliex dan it-tħassib kollu f’qalbkom? Araw idejja u riġlejja. Jiena hu! Missuni, u ifhmuha li l-ispirtu ma għandux laħam u għadam bħalma qegħdin taraw li għandi jien”.

Hemm tħassib li jsir thewdin
li jmantni s-sens ta’ konfużjoni u twerwir
li jinżel fil-qalb u javvelena d-deċiżjonijiet.

L-Irxoxt jistieden biex wieħed joħroġ mill-kamra tat-thewdin
għall-konkret tar-realtà – Araw idejja … missuni –
għall-persuna tiegħU, li miegħU għandhom storja ta’ ħbiberija, ta’ ġesti ta’ ġid,
ta’ vjolenza mirbuħa, ta’ Alla li hu ħaj u jagħti l-ħajja.

Irrifletti

  • Kif tiddistingwi bejn thewdin u r-realtà?

pexels/skylar kang: going out with a story.


iii. Imbagħad fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-Iskrittura. U qalilhom: “Hekk kien miktub, li l-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet, u li l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f’ismu lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm. Intom xhud ta’ dan.

L-irxoxt jidħol fil-post tal-għeluq
u jibda jiftaħ ftit ftit:
għall-għarfien tal-profondità tal-Iskrittura
għall-mod kif il-Messija ma jsalvax bil-forza iżda bħala qaddej
għall-mod kif Alla jittrasforma l-vjolenza mġarrba b’maħfra li ġġedded
għal persuni li ma jispiċċawx fantażmi ġo kamra magħluqa
iżda XHIEDA barra ‘l bieb tal-kamra f’Ġerusalem sal-aktar post ‘l bogħod
idejn u riġlejn li jibnu storja ta’ ħbiberija, ġesti ta’ ġid,
xhieda ta’ Ġesù li hu ħaj u li jagħti l-ħajja.

Irrifletti

  • Liema tip ta’ ftuħ qed jistiednek għalih?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.